Il-banek jirrifjutaw li jiftħu ATM fil-Għargħur

Bla flus la tgħannaq u lanqas tbus jgħid il-qawl Malti. Ir-residenti tal-Għargħur dan jafuh sew għax jekk ikollhom bżonn jiġbdu l-flus minn ATM iridu jitilgħu n-Naxxar, jew jinżlu San Ġwann. Dan għaliex minkejja li wieħed isib bosta ATMs f’kull lokalità – ħafna drabi għal waħda, tnejn – il-Għargħur huwa wieħed mill-ftit eċċezzjonijiet. 

B’dan in-nuqqas għal diversi snin, fl-aħħar ġimgħat ir-residenti organizzaw rwieħhom fuq is-sit soċjali Facebook b’tali mod biex l-appell tagħhom jingħata widen.

Il-kunsill lokali tal-Għargħur ukoll irreaġixxa għal dan u kkomunika mal-banek lokali, iżda t-tamiet tar-residenti tal-Għargħur sofrew daqqa ta’ ħarta oħra meta il-bank Bank of Valletta fl-aħħar jiem irrisponda fin-negattiv. 

Fl-ittra li ntbagħtet lil kunsill, il-bank jirringrazzjahom tal-interess iżda jgħid li wara li analizza s-sitwazzjoni, fil-preżent ma jistax jilqa’ t-talba tagħhom. 

Dan ma kienx l-unika bank li rrisponda b’dan il-mod, bir-raġunijiet mogħtija jkun li peress li l-Għargħur huwa raħal żgħir mhux se jkun hemm talba regolari għal dawn l-ATMs.

Hu maħsub li l-Għargħur għandu popolazzjoni ta’ ftit inqas minn tliet elef ruħ, li għall-estimi tal-banek dan mhux biżżejjed biex il-ftuħ ta’ ATM tkun vijabbli. 

“Kien hemm residenti li saħansitra qalu li huma lesti jaqilbu kollox għal ma’ dak il-bank li jiddeċiedi li jiftaħ l-ATM, tant kemm għandhom bżonn li dan l-inkonvenjent jieqaf,” qalet waħda mir-residenti meta tkellmet ma’ din il-gazzetta.

Jidher li l-unika soluzzjoni li l-banek jistgħu joffru hi li tinfetaħ ATM qrib stabbiliment tal-ikel imsemmi li għadu kif fetaħ issa, iżda lanqas dan ma sab l-appoġġ tar-residenti minħabba l-fatt li dan qiegħed fit-tarf tar-raħal u xorta ’l bogħod miċ-ċentru tal-lokalità.

“Jekk din tiġi installata fit-tarf tar-raħal mhu se ssolvi xejn. Kif se jaċċessawha l-anzjani u dawk li ma jsuqux? Speċjalment f’temp xitwi, din xorta mhux se tkun aċċessibbli għar-residenti li joqogħdu fil-lokal,” temmet tgħid ir-residenta li marret toqgħod fil-lokalità diversi xhur ilu.

More in Kronaka