Il-qtil ta’ Freddie Fenech “tas-Siment”

L-ewwel parti - Għaddew 33 sena minn omiċidju f’Santa Venera

Mary u Freddie Fenech, fil-jum taż-żwieġ tagħhom
Mary u Freddie Fenech, fil-jum taż-żwieġ tagħhom

Omiċidju ieħor li jmur lura 33 sena huwa dak ta’ Freddie Fenech mill-Ħamrun li iżda kien joqgħod Santa Venera u li kien magħruf bħala “Tas-Siment.” Huwa kellu 41 sena meta nqatel bi tliet tiri ta’ arma tan-nar. Qtil ieħor li għadu sal-lum mhux solvut.

Fenech inqatel quddiem martu, Mary Fenech, li dak iż-żmien kellha 42 sena. Hija kienet għaddiet minn trawma li ħallitilha marka f’ħajjitha li qatt u ħadd ma jista’ jneħħi, imma minkejja d-dulur li għaddiet minnu, xorta waħda ħafret lil min qatel lil żewġha, imma għadha tistenna li ssir ġustizzja. 

Fil-21 ta’ Settembru, 1980 persuni li sal-lum għadhom mhux magħrufa, qatlu lil Freddie Fenech kiesaħ u biered waqt ‘hold-up’ biex serqulu l-flus li kellu fuqu. Dan il-qtil kien seħħ quddiem ir-residenza tal-koppja fi Triq Misraħ il-Barrieri f’Santa Venera.

Fil-jiem li għaddew erġajt iltqajt ma’ Mary Fenech u minkejja li għaddew kważi għaxar snin mindu kont kellimtha l-ewwel darba, reġgħet irrakkontatli li sakemm tibqa’ ħajja mhux se tinsa lil Freddie u baqgħet tħobbu daqs l-ewwel darba li ltaqgħet miegħu, kważi 60 sena ilu.

Triq il-Barrieri f’Santa Venera fejn seħħ il-qtil fil-21 ta’ Settembru 1980
Triq il-Barrieri f’Santa Venera fejn seħħ il-qtil fil-21 ta’ Settembru 1980
Mary ħafret, imma qed tistenna ġustizzja
Mary ħafret, imma qed tistenna ġustizzja

Tliet tiri ta’ pistola mill-qrib

Il-koppja Fenech kienu jbigħu s-siment u għaldaqstant mhux l-ewwel darba li anke nhar ta’ Ħadd kienu jmorru xi nies jixtru. Dakinhar li nqatel Freddie Fenech kien il-Ħadd, 21 ta’ Settembru, mhux biss kien il-Ħadd imma wkoll festa pubblika – Jum l-Indipendenza. Huwa ħareġ mid-dar u mar ġab il-vann mingħand ħuh. Il-vann kien għadu ġdid tant li lanqas kien imħallas.

“Kien vann Isuzu u kienet se tkun l-ewwel ħarġa tagħna bih. Freddie kien poġġa madwar Lm300 (€700) bħala kapparra u kien se jmur iħallsu l-għada li nqatel,” qalet Mary.

Mart il-vittma qaltli li l-ewwel ma għamlu kien li marru jisimgħu quddies. 

Peress li kienet festa pubblika, wara l-ikel kienu marru dawra sal-Qawra. Is-soltu kienu jqattgħu ftit ħin fil-post li kellhom il-Qawra, iżda dakinhar kienu nsew jieħdu ċ-ċwievet tal-post u għaldaqstant ma setgħux joqogħdu hemm fit-tul. 

“Kieku dakinhar bqajna hemm probabbli li kienu joqtluna hemmhekk. Peress li Freddie kien jiddejjaq jeħel fit-traffiku, konna nitilqu mill-Qawra tard filgħaxija. Imma ma bqajniex hemm la ma kellniex iċ-ċwievet.”

Normalment Freddie kien jipparkja fejn kien ikollhom it-trakkijiet. Iżda dakinhar waqaf quddiem il-bieb tal-garaxx biex ikun lest biex idaħħlu. Kif waqfu Mary rat karozza Escort bi tliet persuni li kienu rikbin fuq wara u wieħed quddiem. Dawn kienu ħdejn il-knisja u kif raw il-koppja Fenech saqu għal warajhom u waqfu taħt il-gallarija tal-ġara. 

Hija ħarġet mill-vann u marret biex tiftaħ il-bieb tal-garaxx. Kif kellha daharha lejn Freddie, li baqa’ fil-vann, semgħet bħal tgedwid, qisu xi ħadd qiegħed jargumenta.

Peress li kien id-dlam ma setgħetx tara sew is-serratura biex iddaħħal iċ-ċavetta. F’daqqa waħda resaq lejha raġel minn warajha, li Mary iddiskriviet bħala “m’ogħla hawn” li ħatafha minn wara u għattielha ħalqha u għajnejha. Dan ir-raġel tant kien twil li ras Mary waslet sa sidru. B’għajnejha mgħottijin hija ma setgħet tara xejn x’kien qiegħed jiġri. 

Sekondi wara semgħet lil Freddie jgħid “Qatluni, qatluni, qatluni, qatluni.” F’daqqa waħda dak li kien qiegħed iżommha telaqha, iżda qabel ħarbu minn fuq il-post, kif Freddie kien ħiereġ mill-vann ferut, reġgħu sparawlu f’saqajh. Kif daret rat lil żewġha fl-art u lill-kriminali deħlin lura fil-karozza.

F’daqqa waħda waqfu u reġa’ ħareġ wieħed minnhom u mill-vann ħataf borża li kien fiha madwar Lm4,000 (€9,320) u ħarbu.

Għalkemm hija ma setgħetx tara l-armi li ntużaw, Mary qalet li wara kienu qalulha li kienet pistola tan-Navy. Hija tiftakar li balla minnhom baqgħet ħierġa minn dahar Freddie u nifdet is-sedin tal-vann u oħra baqgħet fih. Sparawlu darbtejn meta kien għadu fil-vann u darb’oħra meta ħareġ biex imur jgħin lil Mary li kienet qiegħda tinżamm minn wieħed mill-qattiela.

Demm ftit li xejn kien ħariġlu, kellu dawra żgħira fuq sidru u miet b’emoroġija interna peress li waħda mill-balal laqtitlu l-fwied u l-pulmun. 

Minkejja li kien ferut gravi, Freddie xorta waħda pprova jagħti l-għajnuna lil martu. Kif ħareġ mill-vann weħlitlu saqajh u waqa’, iżda xorta prova jitkaxkar.

L-ewwel ma wasal fuq ix-xena tar-reat kien ħuh Ġużi li sar jaf meta xi ħadd mar qallu x’kien ġara. Ġużi beda jistaqsi lil Freddie jekk kienx jaf minn sparalu iżda Freddie kien mitluf minn sensih. Ftit wara ħarġu tliet patrijiet peress li kienu semgħu t-tiri u bdew jagħtuh l-assoluzzjoni. 

Freddie Fenech dam madwar 45 minuta ħaj u miet l-isptar minkejja t-tentattivi tat-tobba li għamlu minn kollox biex isalvawlu ħajtu. 

Mary għadha temmen li l-kriminali kienu ilhom jipjanaw is-serqa. Hija qalet li Lm4,000 dak iż-żmien kienu ħafna flus. F’Ġunju 1980, tliet xhur qabel inqatel Freddie, il-koppja kienu sfaw vittmi ta’ serqa meta l-ħallelin kienu serqulhom xi deheb, iżda flus ma kienx hemm fid-dar. Il-ħallelin kienu daħlu fid-dar mingħajr ma sgassaw il-bieb u jidher li x’aktarx li kienu daħlu min-naħa ta’ wara billi xxabbtu ma’ katusa li hemm fil-bitħa.

Il-karozza kienet misruqa

Il-karozza Escort li kienu wżaw il-qattiela biex marru Santa Venera kienet instabet mill-Pulizija u kien irriżulta li kienet insterqet.

“Sirt naf għax kelli mmur il-Qorti biex sidha jkun jista’ jeħodha lura. Kienet ħamra u sewda. Anke l-vann, li kien għadu ġdid, kien baqa’ fil-kustodja tal-Pulizija għal xhur twal.” qalet Mary.

Ikompli nhar il-Ħadd

Fil-ħarġa ta’ nhar il-Ħadd li ġej se nkomplu bit-tieni parti ta’ dan il-każ. 

Fil-ħarġa li jmiss se naraw mill-qrib il-koppja Fenech, x’kien jagħmel Freddie, il-preġji u d-difetti li kellu. Naraw ukoll kif il-ħajja ta’ Mary nbidlet kompletament u fiex inbidel il-maħżen tas-siment u fuq kollox – kienu erba’ rġiel li marru jwettqu dan il-qtil jew kien hemm mara b’xagħarha isfar magħhom? 

Appell

Bħalma qed nagħmlu ma kull storja ta’ delitti mhux solvuti, qed nappellaw lil kull min jaf xi ħaġa dwar dan il-qtil biex jgħaddi kull informazzjoni lill-Pulizija billi jċempel fuq in-numri 119 jew 21224001.

More in Kronaka