Rakkonti dwar l-Air Malta, 40 sena wara
L-AirMalta operat l-ewwel titjira tagħha 40 sena ilu. ILLUM attenda għaċ-ċerimonja li saret biex jitfakkar dan l-avveniment u tkellem ma’ xi membri tal-ekwipaġġ li kienu xogħol dakinhar
minn Frederick Attard
Din il-ġimgħa l-linja nazzjonali tal-ajru AirMalta ċċelebrat l-40 sena minn meta operat l-ewwel żewġ titjiriet tagħha bi skeda. Dawn it-titjiriet kienu lejn l-ajruporti ta’ Fiumicino f’Ruma u Heathrow f’Londra rispettivament.
Iċ-ċelebrazzjoni tat-tifkira saret ġewwa l-mitjar ta’ Ħal Luqa, propju fil-hanger ta’ manutenzjoni tal-ajruplani tal-AirMalta. Iċ-ċelebrazzjoni bdiet bil-wasla f’Malta ta’ ajruplan Airbus A320 li nżebagħ apposta bil-kuluri oriġinali tal-ewwel ajruplani li kellha l-AirMalta, il-Boeing 720b. L-Airmalta bdiet l-operat tagħha propju bil-kiri ta’ żewġ ajruplani mingħand il-linja tal-ajru Pakistana, il-PIA. L-ajruplani Boeing 720b kienu nkrew b’ekwipaġġ ta’ piloti u inġiniera Pakistani filwaqt li fil-kabina mal-passiġġieri kien hemm ekwipaġġ Malti.
Wara ċ-ċelebrazzjoni tkellimt ma’ xi membri tal-ekwipaġġ tal-kabina li kienu xogħol fuq it-titjira KM100 li marret Londra fl-1 t’April 1974. Fuq din it-titjira, it-tim tal-kabina Maltija kien immexxi minn Reggie Debono bħala flight purser li mal-wasla tal-ajruplan miżbugħ bil-kuluri oriġinali deher kommoss.
Ma setax jonqos li dak il-ħin għaddew ħafna memorji minn moħħ Reggie. Staqsejna lil Reggie x’jiftakar minn dik l-ewwel titjira tiegħu abbord u immedjatament qalilna li ma jista’ jinsa qatt l-entużjażmu li kien hemm, kemm fost il-membri tal-ekwipaġġ li kienu se jtiru għall-ewwel darba fuq l-ajruplan Malti kif ukoll fost il-poplu Malti li kien qed jara din il-linja nazzjonali tal-ajru titwieled. Reggie qalilna li l-ajruplani mikrija mingħand il-Pakistan International Airlines ma kinux ajruplani ġodda u li kienu jintużaw fuq ir-rotot tal-PIA għal numru ta’ snin.
Iż-żewġ ajruplani kienu ġew miżbugħa bil-kuluri tal-AirMalta u minn hemm bdew itajru isem Malta fid-destinazzjonijiet kollha li kienu jtiru fihom. Spjegalna li t-titjira lejn Londra kellha n-numru KM100 u qalilna wkoll li l-ittri KM quddiem in-numru tat-titjira ġew magħżula bir-reqqa. KM ifissru Kavallier Malti jew bl-Ingliż, Knight of Malta u dak huwa wkoll kif inhi identifikata bih fil-qosor il-linja tal-ajru Maltija.
Reggie Debono qalilna li l-ewwel titjira tal-AirMalta kienet dik li telqet minn Malta lejn Ruma filwaqt li t-titjira lejn Londra kienet it-tieni waħda u telqet xi sagħtejn wara. Reggie spjega li għalkemm it-titjira tal-AirMalta lejn Ruma kienet l-ewwel waħda, it-titjira lejn Londra kienet aktar sinifikanti għall-fatt li din kienet l-ewwel darba fl-istorja tal-avjazzjoni Maltija li ajruplan Malti tar fuq ir-rotta lejn Londra, xi ħaġa li sa dakinhar kienet kompletament f’idejn kumpaniji tal-ajru Brittaniċi.
Mistoqsi dwar il-passiġġieri fuq it-titjira, Reggie qalilna li dawn kienu kważi kollha ġurnalisti, madwar 80 b’kollox, li kienu mistiedna apposta sabiex jesperjenzaw u jirrappurtaw l-esperjenza tagħhom fuq l-ewwel titjira lejn Londra. Jiftakar lil Norman Hamilton li dak iż-żmien kien preżentatur ma’ Radju Malta, illum British High Commissioner, iwassal kollegamenti lis-semmiegħa dwar x’kien qed jiġri abbord.
Reggie kompla jirrakkonta li kollox kien mar ħarir għajr xi żewġ intoppi żgħar. Fost dawn kien hemm li meta l-ajruplan kien tgħabba bl-ikel u x-xorb, kienu għabbew ukoll it-tazzi tax-xampanja li dak iż-żmien kienu tal-ħġieġ. Ġara li dawn it-tazzi ma kinux ġew ippustjati sew fil-kompartament allokat u mat-tlugħ tal-ajruplan ħadu tisbita lura u nkissru kollha.
Qalilna wkoll li l-istess ħaġa ġrat aktar kmieni fuq it-titjira lejn Ruma. Reggie spjega li dak iż-żmien ma kinux iservu l-ikel bil-karelli kif isir illum imma kollox kien servut fuq l-idejn. Qalilna li kull membru tal-ekwipaġġ kien joħorġ sa erba ikliet fuq l-idejn u allura kien hemm ħafna mixi tul l-ajruplan sakemm iservu lil kulħadd. Is-servizz kien jikkonsisti f’servizz ta’ xorb ftit wara t-tlugħ, servizz ta’ ikel u xorb madwar siegħa mit-tluq tat-titjira u servizz ieħor ta’ xorb kif ukoll il-bejgħ ta’ sigaretti u xorb mingħajr dazju. Qalilna wkoll li meta waslu Londra ġew milqugħa minn diversi nies u ġurnalisti b’entużjażmu. B’kollox damu sitt sigħat fl-ajruport ta’ Heathrow jistennew sakemm tlestew il-konferenzi stampa u l-ajruplan seta’ jerġa’ jibda t-triq lura lejn Malta.
Tkellimna wkoll ma’ Rose Zammit li kienet waħda mill-ekwipaġġ tal-kabina flimkien ma’ Reggie fuq it-titjira lejn Londra u lura. Rose semmiet li kienet titjira li għejjew ħafna speċjalment huma u ġejjin lura. Hi kkonfermat li damu sitt sigħat Londra fuq saqajhom sakemm saru l-intervisti u li huma, bħala ekwipaġġ femminili lebsin l-uniformi ħamra, kellhom joqogħdu preżenti bilwieqfa bħala r-rappreżentanti tal-kumpanija waqt dawn l-intervisti. Spjegat li dakinhar kellhom żraben ġodda u li għalkemm kienu żraben sbieħ, it-tfajliet kien ilhom lebsin dawn iż-żraben għal aktar minn ħdax-il siegħa qabel ma qabdu t-titjira lura.
Ġara li saqajhom intefħu bl-infafet u saħasitra ħarġilhom id-demm. Qalet ukoll li meta ra hekk, Reggie Debono kien qalilhom sabiex jistrieħu waqt ir-ritorn lura lejn Malta imma hi u l-kollegi tagħha kienu jafu li l-irġiel waħedhom ma kinux se jlaħħqu. Kien hawnhekk, spjegat Rose, li Reggie approva li t-tfajliet jaħdmu t-titjira lura ħafjin mingħajr żarbun. Biex inaqqas l-effett fuq il-passiġġieri, Reggie baxxa d-dawl tal-kabina u ftit kienu dawk li ndunaw x’ġara. Rose spjegat ukoll li dak iż-żmien kienet ħaġa normali li passiġġieri jpejpu fuq l-ajruplani u li passiġġieri kienu jilbsu fost l-aħjar ħwejjeġ għall-fatt li se jsiefru. Rose qalet ukoll li l-grupp kollu kien ingħata taħriġ intensiv anke dwar l-apparenza tagħhom u kif għandhom japplikaw l-irtokk u jżommu xagħarhom pulit tant li anke kienu jkunu pprovduti b’servizzi ta’ parrukkiera kull ġimgħa.
Intant għal din iċ-ċelebrazzjoni ta’ tifkira, il-hanger tal-Airmalta kien imżejjen anke b’numru ta’ ritratti li juru l-istorja tal-kumpanija u kif żviluppat matul dawn l-aħħar erbgħin sena. Fost oħrajn kien hemm anke kopja tal-ewwel roster tax-xogħol u kif kienu mqassma l-gruppi tal-ekwipaġġ fuq id-diversi rotot. Għalhekk ma setax jonqos li numru ta’ membri tal-ekwipaġġ jinġabru quddiem dawn ir-ritratti u jikkummentaw b’ċerta nostalġija fuq il-memorji tagħhom. Issemma wkoll li meta xi wieħed miż-żewġ ajruplani kien ikollu jintbagħat għal manutenzjoni, dan kien jiġi mibdul ma’ ajruplan ieħor tal-Pakistan International Airline li kienu jirreferu għaliħ bħala t-TQ. Dan għaliex l-aħħar żewġ ittri tar-reġistrazzjoni tal-ajruplan kienu TQ. Mid-dehra dan l-ajruplan kien ikollhom jagħtuh tindifa tajba qabel ma kienu jtellgħu l-passiġġieri Maltin fuqu. Kulħadd jirrakkonta u fost il-ħafna stejjer semmew ukoll lil ċerta kaptan li kien magħruf għal mod wieqaf li bih kien itella’ l-ajruplan mat-tluq u l-mod kif kien iniżżel l-istess ajruplan b’ċerta tisbita fuq ir-runway.
F’għajnejn dawk kollha preżenti kien hemm elementi nostalġiċi malli raw l-ajruplan tal-AirMalta bil-kuluri oriġinali. Dan l-ajruplan se jinżamm b’dawn il-kuluri u se jkun qed itir fuq ir-rotot skedati tal-AirMalta. Żgur li dawk dilettanti tal-avjazzjoni f’Malta se jagħmlu mezz biex jieħdu xi ritratti ta’ dan l-ajruplan bħala tifkira.