Il-Maltin ottimisti għall-2014

42% tal-Maltin u l-Għawdxin qed jistennew li s-sitwazzjoni ekonomika fl-2014 tmur għall-aħjar

Il-Maltin u l-Għawdxin huma t-tieni l-iktar poplu Ewropew li huwa ottimist dwar kif se tmur l-ekonomija matul is-sena li għadha kif bdiet u dwar kif se tkun is-sitwazzjoni tal-impjiegi t-tnax-il xahar li ġejjin.

Minn stħarriġ tal-opinjoni pubblika li sar fil-pajjiżi membri kollha tal-UE, jirriżulta li 42% tal-Maltin u l-Għawdxin qed jistennew li s-sitwazzjoni ekonomika fl-2014 tmur għall-aħjar. L-ottimiżmu fost il-Maltin u l-Għawdxin dwar il-futur ekonomiku huwa d-doppju ta’ dak medja fl-UE kollha.

Mal-35% tal-Maltin u l-Għawdxin huma tal-fehma li s-sitwazzjoni ekonomika se tibqa' l-istess waqt li 7% biss jemmnu li l-ekonomija se tmur għall-agħar. L-inqas poplu ottimist fl-UE dwar l-ekonomija huma ċ-Ċiprijotti.

Min-naħa l-oħra 39% tal-Maltin u l-Għawdxin qed jistennew li s-sitwazzjoni tal-impjiegi f’pajjiżna fl-2014 tmur għall-aħjar.

L-ottimiżmu fost il-Maltin u l-Għawdxin dwar il-futur tal-impjiegi huwa wkoll id-doppju ta’ dak medja fl-UE kollha. F’pajjiżna 34% jemmnu li fis-sena li għadha kif bdiet, is-sitwazzjoni fil-qasam tal-impjiegi se tibqa’ l-istess waqt li 9% jemmnu li se tmur għall-agħar. Anki dwar il-futur tal-impjiegi, l-inqas ottimisti huma ċ-Ċiprijotti.

Fl-UE kollha huwa biss fost id-Daniżi li l-ottimiżmu dwar il-futur tal-ekonomija u tal-impjiegi għall-2014, huwa iktar qawwi minn kemm huwa fost il-Maltin u l-Għawdxin.

L-istħarriġ tal-opinjoni pubblika tal-UE jqajjem mistoqsijiet dwar il-kritika li saret mill-Partit Nazzjonalista, b’mod partikolari mill-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil, fl-aħħar ġimgħat wara li kien ippreżentat il-baġit. U dan għaliex fl-istess ħin li matul Novembru, Busuttil kien għaddej bi kritika qawwija kontra l-Gvern dwar il-baġit, l-ekonomija u x-xogħol, mhux tal-istess fehma tiegħu kienu l-maġġoranza tal-Maltin u l-Għawdxin li f’Novembru wkoll, wieġbu għall-istħarriġ tal-UE.

Fil-fatt 71% wieġbu li għalihom fiż-żmien li kien ippreżentat il-baġit, l-ekonomija kienet sejra pjuttost tajjeb jew tajjeb ħafna, 72% wieġbu li s-sitwazzjoni tal-impjieg tagħhom kienet pjuttost tajba jew tajba ħafna waqt li 75% iddeskrivew is-sitwazzjoni finanzjarja tal-familja tagħhom bħala pjuttost tajba jew tajba ħafna.

Skont l-istħarriġ tal-UE, l-ikbar problema li qed iħabbat wiċċu magħha pajjiżna hija dik tal-immigrazzjoni. 63% tal-Maltin u l-Għawdxin iħarsu lejn l-immigrazzjoni bħala l-ikbar problema għal pajjiżna, ħames darbiet iktar mill-medja tal-UE. F’sitt xhur il-Maltin u l-Għawdxin imħassba dwar l-immigrazzjoni żdiedu bi 30%.

More in Kronaka