Aktar studenti barranin mis-sena li għaddiet
minn James J. Piscopo
In-numru ta’ studenti barranin li ġejjin Malta biex jitgħallmu l-Ingliż din is-sena mistenni jkun aktar minn dak tas-sena l-oħra.
F’kummenti lil din il-gazzetta, il-federazzjoni tal-iskejjel tat-tagħlim tal-Ingliż lil barranin (FELTOM) qalet li s-sena 2014 diġà ħalliet riżultati aktar pożittivi mis-sena preċedenti meta tqis li n-numru ta’ studenti li jiġu matul il-bqija tas-sena żdied.
Rigward l-istaġun tas-sajf, hemm potenzjal li anke dan jesperjenza żieda fin-numru ta’ studenti iżda dan it-tkabbir jista’ jkun wieħed limitat ħafna, meta tqis in-numru kbir li diġà jiġu fis-sajf.
Skont statistika tal-NSO, 75,000 student żaru Malta matul l-2013, tnaqqis ta’ 8% meta kkumparat mas-sena ta’ qabel.
Wieħed minn kull erba’ studenti jżur Malta matul ix-xahar ta’ Lulju, filwaqt li Diċembru jibqa’ l-aktar xahar kwiet għal din l-industrija.
“Il-bilingwiżmu f’Malta jibqa’ vantaġġ kruċjali iżda l-kompetizzjoni tibqa’ b’saħħitha. Għalhekk Malta qed tipprova tistabbilixxi ruħha f’niċeċ partikolari, fosthom l-istudenti ‘maturi’ u t-tagħlim tal-Ingliż għal suġġetti partikolari,” qalet kelliema għal Federazzjoni.
Mill-75,000 student li żaru Malta s-sena l-oħra, kważi 13,400 minnhom kienu ta’ nazzjonalità Taljana. Isegwu r-Russi, l-Ġermaniżi u l-Franċiżi.
“Għalkemm is-suq Ewropew jibqa’ dak l-aktar importanti, Malta qed jirnexxielha tiġbed lejha studenti minn swieq oħra. Eżempju studenti mir-Russja u lejn il-Lvant qed jiżdiedu, dan jgħodd ukoll għal studenti mill-Amerika t’Isfel u mill-Ażja,” ssuktat tgħid il-kelliema tal-FELTOM.
Hi żiedet tgħid li fost l-oħrajn, titjib fil-proċeduri tal-VISA u għal permessi temporanji ta’ residenza kienu kruċjali biex Malta ssir aktar attraenti għal dawn is-swieq.
“Barra minn hekk, flimkien mal-MTA nedejna kampanja ta’ riklamar f’dawn ir-reġjuni li qed iħallu riżultati nkoraġġanti ħafna.”
Sfortunatament, fl-aħħar snin numru ta’ studenti barranin tilfu ħajjithom wara li kienu involuti f’inċidenti fatali. Uħud minnhom inċidenti tat-traffiku, u oħrajn ikkawżati minn xorb eċċessiv ta’ alkoħol.
Mistoqsija jekk il-FELTOM ħaditx aktar prekawzjonijiet dwar dan, il-kelliema qalet biss li Malta rnexxielha tibni reputazzjoni bħala destinazzjoni sigura u li se tikkollabora mill-qrib mal-awtoritajiet biex tiżgura li din ir-reputazzjoni ma tiġix imtappna.
“Fost l-oħrajn, il-Federazzjoni organizzat diversi avvenimenti popolari fejn l-alkoħol mhux permessibbli biex l-istudenti jiddevertu f’ambjent sigur. Ħdimna wkoll id f’id mal-pulizija biex ngħinu f’inizjattivi edukattivi li ħa l-korp, indirizzati lejn turisti żgħażagħ.”
Fil-preżent hawn madwar 40 skola, b’għoxrin minnhom li huma akkredidati mill-federazzjoni. Dawn ikunu spezzjonati b’mod frekwenti speċjalment fuq il-mod ta’ tagħlim, fuq l-ambjent tal-iskejjel u l-kuntentizza tal-istudent, biex jiġi żgurat li l-iskejjel qed jilħqu l-aspettattivi u jżommu ċertu livell ta’ kwalità.
Statistiċi relevanti
75,000 student żaru Malta s-sena li għaddiet.
L-2012 kienet l-aktar sena ta’ suċċess fl-aħħar ħames snin, b’aktar minn 81,000 student.
L-aħħar darba li ġie reġistrat tkabbir fin-numru ta’ studenti għal sentejn konsekuttivi jmur lura għal 2007-2008.
Fl-2013, dan is-settur impjega kważi 2,200 persuna fosthom 1,500 għalliem.
43% tal-għalliema kienu żgħażagħ ta’ bejn 16 u 24 sena, il-maġġoranza tagħhom impjegati fuq bażi part-time.
Kważi sitta minn kull għaxar studenti kienu nisa.
30% tal-istudenti kienu żgħażagħ bejn 18 u 25 sena.
Is-suq Russu kien l-aktar wieħed li ġab studenti ta’ taħt il-15-il sena fl-2013, b’aktar minn 3,700 student.
Is-sena l-oħra l-istudenti qattgħu total ta’ kważi 234,000 ġimgħa f’Malta, b’medja ta’ aktar minn tliet ġimgħat għal kull student.
Il-Koreani kienu l-aktar li damu, b’medja ta’ aktar minn 14-il ġimgħa f’pajjiżna.