Matul il-jum tal-Ħamis ħareġ filmat video produzzjoni tas-CMRU tal-Pulizija stess. Dan il-filmat kien juri ċerta xeni dwar postijiet ta’ interess fil-gżejjer Maltin u kien ippreżentat mis-Supretendent Sharon Tanti.
Fil-filmat, Sharon Tanti tidher tagħti diversi pariri u suġġerimenti fosthom kif it-turisti għandhom iġibu ruħhom fit-toroq Maltin. Tanti tispjegalhom x’għandhom jagħmlu meta jmorru fuq xi bajja, biex jirrispettaw it-tabelli, kif ukoll dwar Paceville u l-alkoħol.
Fi ftit ħin il-video nxtered mal-erba t’irjieħ b’kulħadd jikkummenta fit-tajjeb u fil-ħażin. Fost il-kummenti pożittivi kien hemm dawk ta’ ħafna li qalu li l-filmat hu tajjeb biex jindirizza l-imġieba tal-ħafna studenti barranin li jkun hawn Malta speċjalment matul ix-xhur tas-sajf.
Minn naħa negattiva, ħafna kkumentaw dwar l-Ingliż mitkellem mis-Supretendent Sharon Tanti u li l-kontenut tal-filmat kien wieħed twil u negattiv u li aktar se jservi biex igerrex it-turiżmu.
Il-kummenti kienu ħafna tant li wasslu biex il-filmat tneħħa lbieraħ fuq ordni tal-Ministeru tal-Intern. Iżda minkejja li l-filmat uffiċjali tneħħa, il-preżentatur John Bundy tella’ kopja tal-istess filmat fuq il-YouTube tiegħu.
Hu qal ukoll li dawk li maqdru l-filmat ma fehmux l-għan tiegħu, u li huma biss skużi li l-filmat hu amateur, twil wisq, jimbotta t-turisti minn Malta, iwerwer lill-istudenti, fih xeni tal-waħx, il-pronunzja tal-Ingliż mhix tajba, li ma kellhiex tagħmlu l-Pulizija u li Malta saret qisha l-Iraq.