Is-segretarju Parlamentari għall-Kunsilli Lokali Josè Herrera lbieraħ nieda white paper bl-għan li ssir riforma tas-sistema tal-gwardjani lokali, 14-il sena wara li bdew joperaw.
Herrera ħabbar li l-proposta tal-Gvern hi li tiġi emendata l-liġi ħalli l-Kumitat Maniġerjali dwar is-Sistema tal-Infurzar Lokali (LESMC) ikollu s-setgħa li jwaqqaf Unit ta’ sistema tal-Infurzar Lokali li tinforza l-liġijiet għal-lokalitajiet kollha.
Dan ifisser li l-Gvern beħsiebu jwaqqaf il-privatizzazzjoni f’dan il-qasam. Fil-preżent, il-privat jassorbi madwar 75% tal-flus. Iżda bir-riforma proposta hu mistenni li t-taqsima li se titwaqqaf ikollha l-kontroll assolut tas-sistema.
B’hekk qed ikun propost li din it-taqsima ikollha taħt ir-responsabilità tagħha l-gwardjani lokali u staff amministrattiv.
Herrera serraħ ras lill-gwardjani lokali li b’dawn il-proposti ħadd mhu ser jitlef l-impjieg tiegħu imma dawn iridu jibdew ikunu aktar imħarrġa, qabel ma jkunu impjegati ma’ din it-taqsima.
“Il-Gwardjani Lokali twaqqfu biex ikunu ta’ servizz liċ-ċittadin imma flok servew liċ-ċittadin, iċ-ċittadin spiċċa jservi lis-sistema. Mill-bidliet li saru fil-passat l-ebda waħda ma indirizzat l-qofol tas-sistema, dan għaliex f’kull pass ta’ dawn il-bidliet dejjem kien hemm problema waħda: li s-sistema kienet tqila u tiswa ħafna flus,” qal Herrera.
Is-sistema kienet daħlet f’ċirku vizzjuż u tiddependi biss miċ-ċitazzjonijiet tat-traffiku. Jekk ma kinux jingħataw biżżejjed ċitazzjonijiet is-sistema kienet tikkrolla finanzjarjament.
Ir-riforma għandha wkoll l-għan li tnaqqas l-ispejjeż u żżid l-effiċjenza fil-ġbir ta’ ċitazzjonijiet li għadhom mhux imħallsa. Matul l-aħħar 13-il sena, dawn ammontaw għal aktar minn 18-il miljun ewro.