Is-sejba tal-fdalijiet tingħata prominenza

It-tieni parti: Il-qtil tal-accountant Lino Cauchi 

Dr Kenneth A. Brown fil-Laboratorju tal-Università ta’ Adelaide fl-Awstralja flimkien ma’ John C. Ellul (xellug) u Anthony Abela Medici
Dr Kenneth A. Brown fil-Laboratorju tal-Università ta’ Adelaide fl-Awstralja flimkien ma’ John C. Ellul (xellug) u Anthony Abela Medici

Kif rajna fil-ħarġa tal-ġimgħa l-oħra kien it-Tnejn, 15 ta’ Frar, 1982 l-aħħar darba li Lino deher ħaj. Tliet snin u disa’ xhur wara nstabu fdalijiet umani f’bir fil-Buskett fil-post magħruf bħala “Il-Bosk”, limiti tal-Girgenti.

L-ewwel indikazzjoni kienu li l-fdalijiet kienu ta’ mara

L-aħbar bis-sejba ta’ fdalijiet umani fil-Buskett kienet ingħatat prominenza fil-ġurnali tas-Sibt, 16 ta’ Novembru 1985. 

“Fdalijiet ta’ delitt mill-aktar makabru, li ilu s-snin ma jkun hawn bħalu f’pajjiżna, instabu mill-Pulizija waqt tfittxija f’bir li jinsab fuq ir-riħ tal-Ġonna tal-Buskett. F’dan il-bir, taħt borġ ġebel instab ġisem, aktarx ta’ mara, imqatta’ u sserrat bċejjeċ żgħar li kienu ppakkjati f’diversi boroż tal-plastik. F’waħda minn dawn il-boroż instabet ukoll mazza tal-ħadid li hija kompatibbli ma’ daqqa li kienet tidher fuq in-nagħas tal-lemin tar-ras.” Dan kien irrappurtat f’wieħed mill-ġurnali ewlenin.

Kienet waħda mill-esperti li fl-ewwel reazzjoni tagħha tat indikazzjoni li l-pelvis kien ta’ mara u li l-fdalijiet kienu ilhom snin midfunin. Għaldaqstant l-ewwel suspetti kienu li l-kadavru seta’ kien dak ta’ Mary Grace Farrugia mill-Birgu li kienet irrapportata nieqsa mill-Erbgħa, 19 ta’ Awwissu 1981 meta kellha 23 sena. Iżda kienu żbaljati għax wara snin ta’ investigazzjonijiet irriżulta li l-fdalijiet fil-bir kienu ta’ Lino Cauchi.

Kif il-bir tbattal kollu niżlu fih l-Ispettur Kevin Ellul Bonici, Anthony Abela Medici u fotografu tal-Pulizija.

L-ewwel ma sabu kien borġ ġebel u ma’ kull ġebla li bdew ineħħu bdew jinkixfu boroż tal-plastik imċappsin bil-ħama li kien hemm fil-bir. Aktar ma bdew ineħħu ġebel aktar bdew jinstabu boroż.

Mhux il-boroż kollha kienu magħluqin sew u għaldaqstant dawk il-boroż li kienu għadhom magħluqin tħallew kif kienu u ttieħdu l-Laboratorju Forensiku filwaqt li l-oħrajn li nfetħu, il-Pulizija u l-esperti setgħu jikkonfermaw li l-fdalijiet li kien hemm fihom kienu umani.

Fost dawk li kienu fuq il-post kien hemm John C. Ellul, dak iż-żmien kien Kuntistabbli mat-Taqsima tal-Forensika u rtira mill-Korp tal-Pulizija bħala spettur u kap tal-Forensika.

“Meta bdejna ntellgħu l-boroż, ħafna minnhom kienu marbutin sew. Oħrajn infetħu u dak li kien hemm fihom ħareġ. Għaldaqstant għamilt sigħat twal ngħarbel il-ħama u l-oġġetti li tellajna mill-bir biex stajt nifred il-partijiet tal-kadavru”, qalli John C. Ellul.

Huwa spjegali li dan kien l-ewwel delitt li l-Pulizija użaw din is-sistema, imma b’reqqa kbira Ellul kien irnexxielu jgħaqqad kważi l-kadavru kollu. 

Dan il-proċess kien intuża wkoll mill-istess Ellul u l-uffiċjali tiegħu fil-każ ta’ Ġiġi ‘Rizzu’ li nqatel f’Novembru 1996 f’Għawdex u li l-kadavru tiegħu nstab f’bir wkoll.

Tinstab ukoll l-arma tad-delitt

Il-qattiela ta’ Lino Cauchi mhux biss ħbew il-fdalijiet tal-vittma, iżda ħelsu wkoll mill-arma tad-delitt.

F’waħda mill-boroż il-Pulizija sabu dik li wara rriżulta li kienet l-arma tad-delitt, mazza twila seba’ pulzieri u nofs u ħoxna madwar tliet pulzieri bil-manku sserrat. 

F’borża minnhom il-Pulizija sabu r-ras għaliha li kienet skeletru. Evidenti kienet daqqa fuq in-naħa ta’ fuq tar-ras bil-kranju mkisser. Meta saru l-eżamijiet forensiċi rriżulta li d-daqqa li kellha r-ras kienet kompatibbli mal-mazza li nstabet.

Tard il-Ġimgħa filgħaxija l-Pulizija kellhom jissospendu t-tfittxija fil-bir. Kmieni l-għada filgħodu mal-ewwel dawl tax-xemx tkompliet it-tfittxija u komplew jinstabu aktar biċċiet ta’ laħam li ma kinux fil-boroż li x’aktarx ħarġu maż-żmien. 

Meta dawn kienu eżaminati rriżulta li kienu jagħmlu parti mill-kumplament tal-ġisem u b’hekk il-Pulizija kellha kważi l-kadavru kollu, iżda f’biċċiet u f’daqsijiet differenti.

Mill-eżamijiet li saru fosthom anke mill-awtopsja, irriżulta li Cauchi nqatel b’daqqa vjolenti fuq rasu bil-mazza. Tant kienet vjolenti li l-kranju tfarrak fi 28 biċċa. 

Wara li nqatel, il-kadavru tqatta f’diversi biċċiet. L-esperti jemmnu li biex tqatta’ ntużaw kemm serrieq manwali kif ukoll ieħor tal-elettriku u l-qattiela ħadu inqas minn nofs siegħa biex wettqu dan l-att krudili. Minkejja li l-fdalijiet ta’ Cauchi nstabu tliet snin wara, ħafna mill-fdalijiet ma kinux dikomposti. Dan minħabba li kienu f’boroż u l-umdità tal-bir żammithom priservati. 

Omiċidju li diffiċli li jkun solvut 

Il-Pulizija issa kienu konxji li f’idejhom kellhom wieħed mill-aktar delitti makabri fl-istorja ta’ pajjiżna u li kien diffiċli biex ikun solvut.

Għaldaqstant intalbet l-għajnuna ta’ esperti barranin. Fost dawn kien ġie Malta Dr Ian West, espert fil-Patoloġija minn ‘Guy’s Hospital’ ta’ Londra li ħa sehem attiv fl-awtopsja. Kien minn din l-awtopsja li rriżulta li l-fdalijiet kienu ta’ raġel u mhux ta’ mara, iżda ma setax jingħad ta’ min kien.

Din ma kinitx faċli għall-investigaturi u għall-esperti Maltin peress li apparat biex jaħdmu ma kellhomx u għalhekk kien se jkun diffiċli jekk mhux impossibli biex issir l-identifikazzjoni tal-vittma.

L-ewwel ma sar kien li nġabret il-lista ta’ persuni li kienu ilhom is-snin irrapportati neqsin u l-isem ta’ Lino Cauchi kien fost dawk fil-lista. Cauchi kien ilu diġà nieqes tliet snin iżda l-esperti ma setgħux jgħidu l-fdalijiet li nstabu kemm kienu ilhom fil-bir u b’hekk ma kienu waslu għal ebda konklużjoni.

John C. Ellul bir-ras ta’ Lino Cauchi hekk kif ittellgħet mill-bir
John C. Ellul bir-ras ta’ Lino Cauchi hekk kif ittellgħet mill-bir

Sitt snin wara

Sitt snin wara li Lino Cauchi kien irrappurtat nieqes u tliet snin wara li kienu nstabu l-fdalijiet imqatta’ biċċiet fil-Buskett, il-Pulizija waslu biex identifikaw dawn il-fdalijiet. Kienet bl-għajnuna ta’ esperti barranin u laboratorju speċjalizzat fl-Awstralja li l-Pulizija rriżultalha li l-fdalijiet kienu dawk ta’ Lino Cauchi. 

Permezz tal-Interpol intalbet l-assistenza tal-Ispettur Sandy Congdon, mill-Pulizija ta’ Adelaide fl-Awstralja fejn intalab biex jgħin lill-investigaturi Maltin. Congdon għamel kuntatt mal-Università ta’ Adelaide u tkellem ma’ Dr Kenneth A. Brown, espert forensiku fl-Odontoloġija.

Wara li saru diversi kuntatti, il-Pulizija Maltija waslet fi ftehim biex il-fdalijiet jittieħdu l-Awstralja. Għaldaqstant b’reqqa kbira l-għadam kollu tpoġġa f’boroż apposta u kienu stivati f’kaxxa. 

Qabel ma marru l-Awstralja, il-Pulizija kienu tkellmu ma’ diversi familji li kellhom li xi ħadd nieqes fejn ingħataw ritratti tagħhom speċjalment ritratti tal-profil.

Fit-23 ta’ Marzu 1988 id-Direttur tal-Laboratorju Forensiku ta’ dak iż-żmien, Anthony Abela Medici, il-Kuntistabbli John C. Ellul (li rtira mill-Korp bħala Spettur u Kap tat-Taqsima tal-Uffiċjali tax-Xena tar-Reat), is-Surġent John Debattista u l-Kuntistabbli Charles Aquilina (dawn it-tnejn ukoll m’għadhomx fil-Korp tal-Pulizija u bl-aħħar wieħed mejjet) marru l-Università ta’ Adelaide fl-Awstralja. 

Hemmhekk flimkien ma’ Dr Kenneth A. Brown, għamlu numru ta’ eżamijiet fuq ir-ras u fdalijiet oħrajn li kienu nstabu fil-bir. 

Dakinhar l-esperti Maltin kienu ħadu wkoll ras oħra ta’ skeletru, dik ta’ Manwel Micallef li kellu 25 sena minn Birkirkara li kien għeb fi Frar 1985 u li l-kadavru tiegħu kien instab midfun qrib it-Torri tal-Għallis f’Mejju 1986. 

“Għamilt sigħat twal ngħarbel il-ħama u l-oġġetti li tellajna mill-bir biex stajt nagħżel il-partijiet tal-kadavru” – John C. Ellul

L-esperti Maltin u Awstraljani bdew jeżaminaw iż-żewġt irjus li nstabu jqabbluhom ma’ kull ritratt. 

“Li għamilna kien poġġejna r-ras fuq stand biex stajna ndawruha. U permezz ta’ video qabbilna r-ritratt mar-ras bis-sistema ta’ ‘superimposition’. Kemm dik ta’ Lino Cauchi kif ukoll ta’ Manwel Micallef qablu”, qal John C. Ellul.

Fil-fatt Ellul kien ukoll irnexxielu jifforma l-wiċċ kollu ta’ Cauchi bit-tafal b’sistema ta’ riċerka Russa. Ellul qalli li din kienet l-ewwel darba li evidenza bħal din ta’ identifikazzjoni intużat u li ġiet aċċettata hawn Malta mill-Qorti.

Dwar il-każ ta’ Lino Cauchi kienu saru diversi spekulazzjonijiet dwar x’seta’ kien il-mottiv tal-qtil, fejn anke kien hemm min allega li kien hemm persuni qrib il-politika u li Cauchi seta’ kien jaf b’xi skandli. Għaldaqstant l-esperti kellhom xi ftit ta’ pressjoni fuqhom biex jagħfsu l-aktar fuq il-każ ta’ Lino Cauchi. 

Dak iż-żmien li għeb Cauchi kien saru allegazzjonijiet li kien hemm min ried li toħroġ il-verità aktar fuq bażi personali milli biex issir ġustizzja. 

Sorsi qrib l-investigaturi ta’ dak iż-żmien qaluli li l-Pulizija Maltija kienu ħadu r-ras ta’ Manwel Micallef l-aktar mhux biex ikun identifikat b’ċertezza, iżda minkejja li Dr Kenneth A. Brown u t-tim tiegħu kellhom reputazzjoni tajba ħafna xorta riedu jkunu ċerti u kien għalhekk li ttieħdu żewġt irjus.

Dwar il-każ ta’ Micallef, il-Pulizija kellhom ħjiel tajjeb li l-fdalijiet kienu tiegħu peress li mal-kadavru kienu sabu l-arloġġ, il-moxt u oġġetti oħrajn personali tiegħu. Fil-fatt waqt li r-ras kienet ikkomparata ma’ ritratt ta’ Micallef din qablet perfettament.

Il-Pulizija kienu ħadu magħhom l-Awstralja tliet ritratti ta’ Cauchi, wieħed meħud minn quddiem u tnejn oħrajn il-profili tiegħu biex b’hekk meta sar tqabbil ma kien hemm l-ebda dubju li l-fdalijiet kienu ta’ Lino Cauchi. 

Issa l-Pulizija kellha f’idejha fdalijiet ta’ żewġ persuni li wara snin twal ġew identifikati. Fil-każ ta’ Micallef il-Pulizija kienet resqet persuna l-Qorti u anke nstabet ħatja. Min-naħa l-oħra d-delitt ta’ Lino Cauchi għadu mhux solvut.

Il-mazza f’borża tal-plastik li ntużat biex inqatel Lino Cauchi
Il-mazza f’borża tal-plastik li ntużat biex inqatel Lino Cauchi

Il-ġimgħa d-dieħla

Fit-tielet parti ta’ dan l-omiċidju li se nippubblikaw nhar il-Ħadd li ġej, naraw aktar fid-dettal x’sar fil-Laboratorju fl-Awstralja, l-arrest tal-mara tal-vittma, ittra ta’ rikatt kif ukoll x’ġara fil-preċett tat-tifel tal-koppja Cauchi u aktar dettalji.

Appell

Għalkemm għaddew 32 sena minn dan l-omiċidju, xorta waħda qed nappellaw lil kull min jaf xi ħaġa dwar dan il-qtil biex jgħaddi kull informazzjoni lill-Pulizija billi jċempel fuq in-numri 119 jew 21224001.

Ritratti: Bibjoteka Nazzjonali

More in Kronaka