Studenti tal-ewwel sena fl-ITS din il-ġimgħa kellhom il-ħolma kerha ta’ kull student: li jkollhom karta tal-eżami li ma jkunux stennew.
Dan ġara aktar kmieni din il-ġimgħa waqt l-eżami tal-‘Introduzzjoni għat-Turiżmu’, bl-istudenti dlonk jgħidu li tawhom karta b’oħra.
“Għamilna karta tal-eżami li ma kienitx l-istess waħda li l-lecturer prepara għalina. Ovvjament kienet mimlija materjal li m’għamilniex fil-klassi. Din mhix serjetà!” kkummentat fuq Facebook waħda mill-istudenti.
Madankollu, meta kkuntattjat minn din il-gazzetta, iċ-ċermen tal-ITS Ernest Azzopardi ċaħad li sar dan l-iżball u spjega kif din is-sitwazzjoni kienet biss frott nuqqas ta’ ftehim.
“Is-suġġett hu mgħallem minn żewġ lecturers differenti. It-tnejn kellhom jippreżentaw karta tal-eżami separata, bil-kap tad-dipartiment ikollu jagħżel waħda minnhom. Din hija l-proċedura u nikkonferma li kollox sar kif suppost,” qal Azzopardi.
Hu kompla jispjega li bl-għan li jgħin aktar lill-istudenti u jtaffilhom mit-tensjoni tal-eżami, wieħed mil-lekċerers kien spjegalhom kif kienet imqassma l-karta tiegħu.
“Meta dawn l-istudenti sabu karta differenti minn dik imwiegħda lilhom ħasbu li sar xi żball u li ngħataw karta b’oħra,” spjega ċ-ċermen tal-ITS.
Din il-konvinzjoni kompliet tikber meta apparentament, iffaċċjat mill-istudenti, il-lekċerer qalilhom li dik ma kinitx il-karta li ppreparalhom hu.
Iżda ċ-ċermen ikkjarifika ma’ din il-gazzetta li l-karti mħejjija miż-żewġ lekċerers it-tnejn kienu jkopru l-istess suġġetti u li b’hekk ma kienx hemm lok ta’ żvantaġġ għal xi studenti.
Hu ċaħad l-ispekulazzjoni li jekk numru kbir ta’ studenti ma jgħaddux mill-eżami, jerġa' jsir mill-ġdid b’karta differenti.
Madankollu, f’każ li ma jgħaddux l-istudenti ikollhom iċ-ċans li jagħmlu r-resit.