Xi saħħar bassar fejn qiegħed il-katavru

Il-qtil ta’ “Ġiġi r-Rizzu” fl-1996 f’Għawdex

Il-qtil ta’ “Ġiġi r-Rizzu” fl-1996 f’Għawdex
Il-qtil ta’ “Ġiġi r-Rizzu” fl-1996 f’Għawdex

Il-qtil ta’ Ġiġi “r-Rizzu”, li l-ismu propja kien Louis Galea, jibqa’ mdawwar b’ħafna misteri. Dan il-qtil seħħ aktar minn 17-il sena ilu li mhux biss għadu mhux solvut imma anke l-mod kif instab il-kadavru kien imdawwar b’misteri fosthom bi tbassir ta’ “saħħar” u s-sagrament tal-qrar.
Ġiġi r-“Rizzu” nqatel b’żewġ tiri fuq in-naħa ta’ wara ta’ rasu sparati mill-qrib. Wara li nqatel, il-kadavru tiegħu ntefa’ f’bir f’Wied il-Għasri limiti taż-Żebbuġ u nstab 50 ġurnata wara fid-9 ta’ Jannar 1997 wara li persuna kienet żvelat fejn seta’ jinstab ma’ saċerdot fis-sagrament tal-qrar.
Louis Galea kellu 42 sena meta nqatel u kien miżżewweġ lil Angela u missier ta’ erbat itfal, Pauline, Stephan, Terrance u Nykkie. Minkejja li kien jismu Louis, f’Għawdex kien magħruf biss bħala. Ġiġi “r-Rizzu”, laqam tal-familja.

It-tfittxijiet
L-aħħar ġurnata li Ġiġi deher ħaj kien nhar it-Tlieta, 19 ta’ Novembru 1996. Għall-ewwel il-familja tiegħu, fosthom martu Angela, ħasbu li seta’ mar x’imkien u li kien se jirritorna matul il-lejl. Dan minħabba li huwa kien ta’ spiss ikollu xi xogħol li kien iħallih impenjat anke sa tard filgħaxija. Iżda dakinhar Ġiġi baqa’ ma marx lura d-dar.
Kmieni l-għada filgħodu kif Angela qamet u ndunat li żewġha ma kienx irritorna d-dar ċemplet lil Franco, wieħed minn ħutu. Dan għax Ġiġi kien sikwit imur fil-bar li Franco kellu f’Marsalforn. Iżda skont Franco dak il-lejl ħuh ma kienx mar hemm. Għaldaqstant Angela marret l-Għassa tar-Rabat u għamlet rapport li żewġha kien nieqes.
Minnufih il-Pulizija ta’ Għawdex bdiet tfittxija għalih fejn anke kienet intalbet l-għajnuna tal-Pulizija tal-SAG. L-ordni li ngħataw kienet biex dawn ifittxu mal-irdumijiet. Iżda minħabba l-maltemp u riħ qawwi, ma kienx possibbli li l-Pulizija jwettqu din l-operazzjoni.
L-għada t-temp kien l-istess u għaldaqstant biex ma tinħeliex ġurnata fix-xejn, il-Pulizija kienu se jagħmlu użu mill-klieb biex ifittxu fl-inħawi tal-Qbajjar u f’Wied il-Għasri fejn hemm diversi bjar iżda din it-tfittxija wkoll ġiet sospiża.
Meta baqa’ ma kien hemm ebda ħjiel ta’ xejn, Vince Galea, ħu Ġiġi u li huwa l-ikbar fost l-aħwa, f’isem il-familja mar il-Kurja tal-Isqof f’Għawdex fejn għamel avviż biex jinqara waqt il-quddies kollu.
L-aħwa wkoll kienu marru jfittxu u t-tfittxija l-aktar li kienet instensifikata kienet fl-inħawi tal-Qbajjar, limiti ta’ Marsalforn u Żebbuġ.

Il-kaxxi tal-logħob setgħu kienu l-mottiv
Peress li Ġiġi kien “jiddeffes” biex jagħmel kull biċċa xogħol li tiġi għal idejh, fosthom il-kaxxi tal-logħob. Fil-fatt fid-dar ta’ Ġiġi l-Pulizija kienu sabu diversi kaxxi tal-logħob kif ukoll apparat ieħor fosthom oġġetti misruqin.

Cafe Ritz, il-ħanut ta’ ħu l-vittma
Cafe Ritz, il-ħanut ta’ ħu l-vittma

L-aħħar ħinijiet tar-Rizzu
Meta kont qattajt xi jiem fil-gżira Għawdxija, kien irnexxieli niġbor xi informazzjoni għalkemm meta ppruvajt nivverifika din l-informazzjoni mal-Pulizija ma kontx sibt koperazzjoni u dejjem ingħatajt l-istess risposta - “għax l-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin” - għalkemm qatt ma ġie miċħud xejn.
Kien fatt magħruf li l-vann li kien isuq Ġiġi kien dejjem jipparkjah fl-istess post quddiem id-dar u l-handbrake qatt ma kien itellgħu sa fuq nett. Iżda meta l-Pulizija sabu l-vann ħdejn id-dar tiegħu ma kienx ipparkjat sew u l-handbrake kien imtella’ sa fuq nett.
Minn stħarriġ li kont għamilt kont sibt li t-Tnejn, 18 ta’ Novembru 1996, Ġiġi kien tkellem ma’ saċerdot fejn kien ingħad li r-Rizzu kien qallu li l-għada kien se jmur jiġbor xi flus li kellu jieħu. Jidher li minn kliem Ġiġi s-somma kienet waħda sostanzjali.
L-għada waranosfinhar Ġiġi deher jargumenta ma’ persuna fi Pjazza San Franġisk imma mhux magħruf fuq xiex kien l-argument. Din il-persuna kienet għamlet perjodu ta’ żmien f’ċentru ta’ rijabilitazzjoni biex joħroġ mill-vizzju tad-droga. Dakinhar stess Ġiġi wasal id-dar għall-ħabta tal-11pm bil-vann Toyota HiAce u pparkjah fejn dejjem kien iħallih u daħal fil-garaxx.
Ftit tal-ħin wara nstema’ ħoss li kiser il-ħemda tal-lejl. Dan il-ħoss kien deskritt bħala dak ta’ mutur. Waħda minn ulied il-vittma kienet semgħet lil missierha jitkellem ma’ xi ħadd, iżda ma għarfitx il-leħen tal-persuna l-oħra. Huwa mifhum li l-persuna l-oħra kienet barra l-garaxx u qal lil Ġiġi biex joħroġ ħalli jmorru jagħtuh dak li kien fadallu jieħu.
Dwar kif u ma’ min mar Ġiġi hemm żewġ teoriji li l-Pulizija ma setgħetx tistabilixxi liema waħda. Waħda minn dawn kienet li Ġiġi kien jaf sew lil dawk li kienu barra tant li ħareġ mill-garaxx, daħal fil-vann tiegħu u kien diġà se jsuq, iżda kien miżmum.
Wieħed minn dawk li avviċinawh fetaħ il-bieba tal-vann u ħataf lil Ġiġi minn taħt idejh il-leminija u beda jiġbdu ’l barra. Peress li l-vann beda nieżel, Ġiġi għolla l-handbrake b’idejh ix-xellugija f’daqqa u ġibdu sa fuq nett. Huwa għamel dan jew għax kien irrabjat jew minħabba li qabdu paniku. Kien għalhekk li l-vann ma nstabx eżatt kif kien iħallih is-soltu u l-fatt li l-handbrake kien imtella’ kollu.
Kif tniżżel mill-vann, Ġiġi, b’reazzjoni normali, neħħa ċ-ċwievet minn posthom u minħabba li kien qed jinżamm minn taħt idejh, huwa poġġa ċ-ċwievet fl-ewwel but li sab – dak tal-qmis kif idejh kienet qed tinżamm mgħollija. Ġiġi kien sfurzat jidħol f’karozza oħra filwaqt li kien mhedded minn żewġt irġiel armati.
Dak il-lejl xi ħadd kien ra l-vann ta’ Ġiġi jinsaq b’veloċità eċċessiva fid-direzzjoni ta’ Marsalforn imma peress li kien id-dlam ma kienx jaf jekk kienx Ġiġi li kien qed isuq jew xi ħadd ieħor.

Skartoċċ fil-vacuum cleaner
L-investigaturi, li dak iż-żmien kienu s-Supretendenti John Rizzo u Paul Sammut li llum m’għadhomx fil-Korp tal-Pulizija, ħadmu mingħajr waqfien bl-għajnuna ta’ diversi uffiċjali oħrajn fosthom l-Ispetturi Antonello Grech u Paul Vassallo mid-Distrett ta’ Għawdex, illum it-tnejn Supretendenti.
Fost l-istħarriġ li għamlu kienu marru jagħmlu tfittxija fil-Cafè Ritz f’Marsalforn, li kien ta’ Franco Galea, wieħed minn ħut il-vittma u l-iżgħar fost l-aħwa. Waħda mir-raġunijiet li saret tfittxija hawnhekk kienet minħabba li ta’ spiss Ġiġi kien imur iqatta’ xi ħin jixrob għand ħuh qabel imur id-dar. Waqt din it-tfittxija l-Pulizija kienu sabu skartoċċ kalibru 22mm li kien jaqbel mal-istess kalibru tal-balal li qatlu lir-“Rizzu”. Dan l-iskartoċċ instab f’vacuum cleaner. Kien ingħad li Franco kien qal lill-Pulizija li dan l-iskartoċċ kien iddubbah xi żmien qabel u kien qiegħed iżommu bħala ‘souvenir’ u li x’aktarx li nqabad fil-vacuum cleaner wara li dan waqa’ fl-art.
Fl-istess ħanut il-Pulizija nnuttaw li ħajt minnhom kien miżbugħ frisk b’żebgħa bajda. Dan il-fatt kien daħħal dubji kbar bil-Pulizija tissupsetta li mal-ħajt kien hemm xi dmija li ntmesaħ u wara tbajjad biex jitgħatta kollox.

“Saħħar” jgħid fejn seta’ jinstab Ġiġi
Kont tkellimt fit-tul ma’ Vince Galea, ħu l-vittma dwar għaliex kien issemma’ li Ġiġi seta’ kien f’bir u dan sar anke fl-appell li nqara fil-quddies. Vince kien qalli li kellu r-raġunijiet tiegħu. Huwa kien stqarr li kien ċertu Toni Grima li qallu li ħuh kien qiegħed viċin il-baħar bi tliet bullets f’rasu u viċin ħafna hemm magna taħdem. Skont Vince dan Grima għandu kuntatti mal-ispirti. Grima kien qallu dan madwar tliet ġimgħat qabel ma nstab il-kadavru fil-bir.
Vince qal li wara dan id-diskors kien mar u akkwista l-pjanti kollha fejn hemm il-bjar f’Għawdex fosthom ta’ Wied il-Għasri. Vince kien urini din il-pjanta fejn anke jidher immarkat il-bir fejn kien instab il-kadavru.
Huwa qalilna wkoll li kemm hu kif ukoll ħutu kienu marru jfittxu fl-inħawi, iżda qatt ma ttawlu f’dak il-bir.

Ikompli nhar l-ġimgħa d-dieħla
Fil-ħarġa tal-Ħadd li ġej se nkompli b’dan il-każ fejn se naraw dettalji li s’issa qatt ma ħarġu. Se nagħmlu diversi mistoqsijiet fosthom fejn inqatel Ġigi? Għalfejn inqatel? Fil-fatt dan il-każ huwa solvut imma hemm raġuni għaliex għadu ħadd ma tressaq?
Naraw ukoll kif instab il-kadavru, x’sabu l-Pulizija fil-bir? Meta sar il-funeral ta’ Ġiġi u aktar.

Appell
Bħalma qed nagħmlu ma’ kull storja ta’ delitti mhux solvuti, qed nappellaw lil kull min jaf xi ħaġa dwar dan il-qtil biex jgħaddi kull informazzjoni lill-Pulizija billi jċempel fuq in-numri 119 jew 21224001.

More in Kronaka