Il-Knisja Kattolika m’għandha l-ebda assoċjazzjoni ma’ Pastor Gordon Manchè u r-River of Love, kelliem għal Kurja kkonferma mal-Illum.
Manchè u r-River of Love, li jgħidu li jimxu fuq it-tagħlim nisrani, kienu f’nofs kontroversja matul din il-ġimgħa wara li ppreżentaw petizzjoni quddiem il-parlament biex il-Membri Parlamentari ma japprovawx l-Unjoni Ċivili. Huma saħqu li “Alla jħobb lil kulħadd imma mhux kollox.”
“Pastor Gordon Manchè u River of Love m’għandhom l-ebda rabta mal-Knisja Kattolika u mhumiex membri tagħha,” qal kelliem għall-Isqfijiet Maltin f’kummenti lil din il-gazzetta.
Il-Knisja dwar l-eks żeffien tal-ballet
L-Erbgħa li għadda, Gordon Manchè għamel l-intenzjoni tiegħu pubblika li jekk il-liġi tal-Unjoni Ċivili tgħaddi mill-Parlament, se jkun qed jippreżenta l-firem biex isir referendum abrogattiv. Dan isegwi l-isforzi ta’ gruppi oħra li ġabru firem biex isiru referenda skont l-aġenda tagħhom, fosthom dawk kontra l-kaċċa u dawk favur ‘id-drittijiet tal-minoranza.’
Mistoqsi jekk il-Kurja taqbilx mal-proposta ta’ Manchè dwar referendum abrogattiv fuq l-unjoni ċivili, il-kelliem sostna li t-tagħlim tal-Knisja Kattolika fuq din it-tema hu magħruf diġà fl-istqarrijiet pubbliċi li għamlu l-isqfijiet.
Mingħajr ma daħal fid-dettall dwar jekk il-kurja taqbilx jew le ma’ referendum, hu qal li dan hu strument legali li f’demokrazija juri dak li taqbel miegħu l-maġġoranza.
“Imma l-ġid komuni mhux bilfors ikun determinat minn dak li tiddeċiedi l-maġġoranza,” żied jgħid il-kelliem.
Fl-aħħar ġimgħat, il-grupp ‘River of Love’ diġà kien fl-attenzjoni tal-mezzi tax-xandir wara li pruvaw isejħu għal bojkott kontra produzzjoni teatrali ‘Jiena Nħobb Inti Tħobb’ li kienet tittratta din it-tema.
F’diversi okkażjonijiet, Manchè – li emigra lejn ir-Renju Unit u l-Istati Uniti biex ikun żeffien professjonali tal-ballet - iddikjara li kien irnexxielu ‘jfejjaq’ persuni omossesswali u kkonvertihom lura għan-“normalità.”