Siġar invażivi jeqirdu dawk lokali

Il-Pjuma: eżempju ta’ speċi invażiva, li kibret fit-triq li tagħti għal Mater Dei
Il-Pjuma: eżempju ta’ speċi invażiva, li kibret fit-triq li tagħti għal Mater Dei

Siġar impurtati minn pajjiżi barranin qed iħallu effett negattiv fuq il-bijodiversità lokali, b’tali mod li qed jheddu l-eżistenza ta’ diversi speċi ta’ flora u fawna Maltin.

Id-dħul ta’ siġar barranin ilu jsir diversi snin, iżda skont l-espert f’dan il-qasam Alfred E. Baldacchino, mal-bidla tal-gvern ma kien hemm l-ebda titjib f’dan il-qasam.

Id-dħul ta’ speċi barranin jista’ jwassal għall-qerda kompletament ta’ speċi lokali oħra, jew ipoġġi fil-periklu l-eżistenza tagħhom. Tant hu hekk li l-Unjoni Ewropea tonfoq madwar €16-il biljun fis-sena biex tikkontrolla l-ħsara tal-ispeċi invażivi li qed jinfirxu madwar l-Unjoni Ewropea.

Baldacchino spjega li speċi barranin jistgħu jkunu invażivi billi jaħarbu, jibdew jikbru fis-selvaġġ u jikkompetu mal-bijodiversità Maltija.

“Dan bħalma qed tagħmel il-Pjuma (fountain grass) li bdiet tintuża fil-landscaping biż-żerriegħa tagħha tinfirex, timla u tikber kull fejn taqa’. Insemmu wkoll is-siġra L-Isfinġa (balloon vine) qed tinfirex f’widien fosthom f’Wied Babu, u fil-proċess qed teqred speċi indiġeni Maltin li wħud minnhom huma rari,” qal Baldacchino.

Iżda l-importazzjoni ta’ siġar barranin tista’ tħalli impatt indirett ukoll, bħal meta speċi barranija ddaħħal mard li teqred prodotti lokali. Fost l-oħrajn, Baldacchino jsemmi l-Baħrija tat-Tadam li qerdet għelieqi sħaħ ta’ tadam, u l-każ tal-Bumunqar Aħmar tal-Palm, li daħal mas-siġar tal-Palm meta dawn ġew importati minn pajjiżi infettati u sal-lum qered ’l fuq minn 800 siġra tal-palm.

“Illum dan id-dħul ta’ speċi barranin refa’ rasu aktar minn qatt qabel. Aktar ma żdied il-kummerċ aktar qed jiddaħħlu. B’mod partikolari dawn żdiedu wara s-sħubija mal-Unjoni Ewropea peress li spiċċaw il-fruntieri kummerċjali, minkejja li l-membri stati jistgħu jagħmlu illegali l-pussess ta’ speċi invażivi.”

Mistoqsi għalfejn siġar barranin jiġu preferuti fuq dawk lokali, Baldacchino qal li hemm diversi raġunijiet fosthom in-nuqqas ta’ edukazzjoni u ta’ apprezzament għall-bijodiversità Maltija, anke minn dawk li huma responsabbli biex iħarsuha.

“Kif jgħid il-qawl Malti, skont iz-zokk il-fergħa. Jekk il-politiċi li ġew fdati bil-ħarsien tas-siġar ma juru l-ebda interess u ma jieħdu l-ebda azzjoni favur ilħarsien tagħhom, kif jista’ wieħed jistenna li l-poplu jkollu apprezzament u jagħraf il-bżonn tal-ħarsien tas-siġar? Ilkomunikazzjoni, l-edukazzjoni, u t-tisħiħ tal-kuxjenza pubblika f’dan il-qasam hija biss f’idejn ftit individwi,” jissokta jgħid l-espert tas-siġar indiġeni Maltin.

Hu kellu kliem iebes għal mod kif il-MEPA kienet qed tindirizza din il-problema, għax skont hu l-MEPA ħafna drabi injorat il-politika tagħha stess. Jgħid li f’xi ċirkustanzi naqset b’nuqqas ta’ azzjoni jew infurzar, u approvat hi stess l-użu ta’ speċi invażivi anke dawk li kienu dikjarati hekk mill-Unjoni Ewropea.

“U meta wieħed jara kif iddirettorat tal-ambjent issa ilu mingħajr Direttur sa mill-bdil fil-Gvern, u l-MEPA mitfugħa b’ruħha u b’ġisimha biex tapprova permessi għalliżvilupp, wieħed ma jistax jingħata tort li jgħid li llum ma hemm l-ebda interess favur il-ħarsien tas-siġar Maltin u tal-ambjent,” temm jgħid Baldacchino.

More in Kronaka