L-iktar ħaġa impressjonanti f’dan l-irkant kienet il-bejgħ ta’ gradenza bi tmien t’ikxaxen li nxtrat għall-prezz xokkanti ta’ €10,500.
Dan l-irkant, li dam sejjer erbat ijiem, ra mijiet ta’ kollezzjonanti u ammiraturi tal-Perit Mintoff li kienu minn ta’ quddiem li wrew il-preżenza tagħhom bit-tama li jixtru xi affarijiet li kien juża personalment dan il-ġgant tal-politika Maltija.
Il-kollezzjoni li kienet stmata li kellha madwar €40,000 f’valutar ta’ affarijiet inkludiet għamara tas-seklu 19, oġġetti tal-fidda, affarijiet oħra ta’ arti Asjatika, tpinġijiet personali, kotba u anki affarijiet bħall-arloġġi li kien jilbes ta’ kuljum.
Ilbieraħ kienet l-aħħar ġurnata ta’ dan l-irkant u Joseph Sammut, l-irkantier minn Belgravia Auctions qal li 99% tal-oġġetti tal-Perit kienu diġà nbiegħu u kien għad jonqos biss sitt midalji u xi tapiti li kien juża.
“L-iktar affarijiet li kienu mfittxija sa mill-ftuħ ta’ dan l-irkant kienu l-bsaten li kien juża l-Perit u affarijiet oħra li kien juża meta kien fis-servizz militari,” spjega Sammut.
Fost affarijiet oħra li nbiegħu għall-prezz astronomiku kienu ċurkett tad-deheb b’fossa tad-djamant ġo fih li ħallsu għalih €5,200 filwaqt li waħda mill-bokkli taċ-ċintorini li kien juża tħallset għaliha s-somma fenomenali ta’ €8,000.
Ġiżirajjen tad-deheb, il-kaxxi fejn kien iqiegħed is-sigaretti u l-brazzuletti li kien juża kienu wkoll parti mill-kollezzjoni li nbiegħu f’irkant matul dawn l-aħħar jiem. Pin ta’ mal-ingravati li kien juża nbiegħ għall-prezz ta’ €1,600 waqt li pendent forma ta’ nagħla taż-żwiemel inbiegħ għall-prezz ta’ €1,300.
L-irkant kien jinkludi wkoll lighter tas-sigaretti Dunhill. Ashtray u diversi biċċiet oħra li wieħed juża normalment fuq l-iskrivanija tax-xogħol tiegħu bdew jinbiegħu minn prezz ta’ ftit mijiet u baqgħu tilgħin għall-prezz ta’ ftit eluf ta’ ewro.
Membri tal-familja tal-Perit Mintoff qalu li l-flus li kienu se jdaħħlu mill-bejgħ ta’ dan l-irkant se jmorru kollha għal kawżi ġusti.
Myra u Yana Mintoff, ulied il-Perit, qalu li ħadu din id-deċiżjoni li jbiegħu l-affarijiet personali ta’ missierhom f’irkant biex il-memorji jixterrdu kemm jista’ jkun fost il-poplu Malti u Għawdxi kollu.
Huma sostnew li fil-mument qegħdin ikollhom l-arranġamenti meħtieġa biex id-dokumenti personali li ħallew impatt fuq Malta fil-passat u li għandhom valur storiku kbir ikunu arkivjati u esposti għall-wiri għall-poplu kollu.