Is-silenzju u l-omertà ma jgħinux lill-Pulizija
Qtil li seħħ 12-il sena ilu f’Għawdex
minn John Pisani
Mhux xi sigriet li s-silenzju u l-omertà fil-gżira ta’ Għawdex jiddominaw l-aktar meta jseħħ xi delitt. Il-Pulizija jafu dan kollu u għaldaqstant ix-xogħol tal-investigaturi jkompli jsir aktar diffiċli biex il-każ jiġi solvut.
Il-każ ta’ Marija Attard li kellha 79 sena mix-Xagħra, Għawdex u li kienet instabet mejta fi spiera nhar il-Ġimgħa, 22 ta’ Frar, 2002 mill-bidu nett sab intoppi li għadhom ikaxkru sal-lum. Meta Marija Attard instabet mejta x’aktarx li kienet ilha mejta aktar minn ġimgħa.
Dan il-każ kien ukoll ikkaraterizzat minn diżgwid li kien inqala’ bejn il-Pulizija u l-esperti maħtura mill-Qorti.
Irrapportata nieqsa
Fil-15 ta’ Frar, 2002 il-Pulizija kienu ġew informati minn saċerdot, li kien jieħu ħsieb il-bżonnijiet finanzjarji ta’ Marija Attard, li ma kienx ra lill-anzjana l-knisja għal xi jiem. Dan il-fatt ħasseb lil dan is-saċerdot l-aktar meta lanqas il-qraba tagħha ma kienu raw lil Marija.
It-tfittxija għal Attard mill-ewwel bdiet fl-inħawi tar-razzett tagħha. Kien ġie stabbilit li l-anzjana kienet tmur għand ħabiba tagħha u biex tagħmel dan kienet tgħaddi minn mgħodija fejn hemm diversi spieri. Għall-ewwel il-Pulizija ħasbu li Attard seta’ taha ħass ħażin u waqgħet iżda fl-ebda spiera li hemm f’din il-mgħodija ma kien hemm sinjali tagħha. Minkejja t-tfittxijiet kienu intensivi baqgħet ma nstabitx.
Iżda fil-fatt il-mara nstabet f’waħda minn dawn l-ispieri u għaldaqstant qamet il-mistoqsija għaliex ma kinitx saret tfittxija f’dik l-ispiera. Ir-risposta li kont ingħatajt meta għamilt din il-mistoqsija kienet li biex tasal għal dik l-ispiera kien kważi impossibbli għal mara ta’ dik l-età u bi problemi biex timxi li tasal hemm waħedha. L-ispiera fejn instabet kienet ġibdet l-attenzjoni tal-Pulizija meta raw pajpijiet li kienu jagħtu għar-razzett ta’ Attard. Dawn instabu għaddejjin minn bejn siġra tal-ħarrub u siġra oħra tal-bajtar tax-xewk.
Biex waslu għal din l-ispiera kienet biċċa xogħol iebsa u ma kienx possibbli li mara bħal Marija Attard tasal hemm jekk ma tinġarrx minn persuni.
L-investigazzjoni
Nhar il-Ġimgħa, 22 ta’ Frar 2002, dakinhar li nstab il-katavru tal-anzjana, kienet ġurnata tipika ta’ Frar bix-xita u l-passaġġ kien mimli tajn. Dan għamilha diffiċli għall-Pulizija biex jelevaw xi marki tas-saqajn. Meta l-katavru ttella’ mill-ispiera kienet nieżla ħafna xita tant li tpoġġa mill-ewwel f’borża speċjali (‘body bag’) miksija bil-kanvas u fuq ordni tal-Maġistrat Dr Paul Coppini, il-katavru ttieħed fil-kamra mortwarja tal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex biex ikun preservat.
Kien dan il-fatt li urta xi ftit lill-Pulizija tal-Forensika li meta waslu fuq il-post ma sabux il-katavru u ma setgħux jeżaminaw ix-xena kif xtaqu. Meta komplew jeżaminaw huma, ħarġu bit-teorija li dan seta’ kien każ ta’ suwiċidju u mhux omiċidju. Meta l-Pulizija marru fir-razzett tal-anzjana fi Triq Għajn il-Qamar ma sabu l-ebda taqlib u kollox kien jidher li kien f’postu. Minħabba li kien hemm min ħaseb li kien każ ta’ suwiċidju, il-Pulizija fittxew għal xi nota li setgħet tħalliet mill-anzjana, iżda ma kien instab xejn. Fil-kċina saħansitra nstabet tiġieġa li kienet sajret Attard. L-anzjana kienet lestiet x’tiekol iżda baqgħet ma kilitx.
Saret ukoll tfittxija intensiva biex forsi jsibu xi flus moħbijin iżda ma kien instab xejn ħlief għal ammont żgħir.
Fil-fatt lanqas deheb ma nstab u meta saru verifiki mal-bank irriżulta li l-anzjana ma kellhiex ammonti kbar fil-bank.
Dan ħasseb sew lill-investigaturi kif ukoll dawk li kienu jafu sew lill-anzjana. Attard kienet magħrufa li ma kinitx tonfoq flus u dan minħabba li l-mara kellha l-għelieqi u proprjetà, allura l-flus tal-pensjoni kienu ħafna iktar minn biżżejjed. Dan qajjem suspett li xi ħadd li kien jaf sew lill-mara u li hi seta’ kellha fiduċja fih, seta’ kien involut jew involuti.
Riżultati identiċi
Dakinhar stess li nstab il-katavru ta’ Marija Attard, il-Maġistrat Coppini ordna biex issir awtopsja fejn ħatar lill-Patoloġisti Marie Therese Camilleri flimkien mat-Tabib Forensiku Mario Scerri. L-awtopsja saret fil-kamra mortwarja tal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex.
Irriżulta li fil-pulmun ta’ Marija Attard ma kienx hemm ilma u għaldaqstant kien jindika li l-anzjana kienet diġà mejta meta tniżżlet fl-ispiera. Irriżulta wkoll li hija kellha marki ta’ tagħfis ma’ għonqha li kienu jindikaw li l-anzjana kienet ġiet fgata. Marki oħrajn instabu mal-għekiesi u jdejha magħrufin bħala ‘grip marks’ li kienu jindikaw li kienet inġarret minn aktar minn persuna waħda. Fuq il-bqija tal-katavru ma nstab ebda tbenġil ieħor li setgħu jagħtu indikazzjoni li din intefgħet jew twaddbet ħajja fl-ispiera. Li kieku waqgħet jew wettqet suwiċidju jew intefgħet fl-ispiera meta kienet għadha ħajja, probabbilment kienu jinstabu marki jew mal-pala tal-id jew ma’ xi parti oħra tal-ġisem peress li huwa impossibbli li xi ħadd jaqbeż jew jaqa’ f’dik l-ispiera dejqa mingħajr ma jaħbat huwa u nieżel. Fuq ir-ras ma nstabet l-ebda daqqa vjolenti li setgħet tindika li l-anzjana ħabtet mal-blata meta waqgħet jew intefgħet. Lanqas ħwejjiġha ma nstabilhom xi tiċrit li setgħu jindikaw li missew b’xi mod max-xaft imbaqqan.
Minn din l-awtopsja l-esperti tal-Qorti ma kellhom l-ebda dubju li Attard inqatlet qabel ma spiċċat fl-ispiera. Iżda l-Pulizija ma kinux konvinti u għaldaqstant meta l-investigaturi u dawk tax-Xena tar-Reat ħejjew ir-rapporti preliminari tagħhom baqgħu jsostnu li dan huwa każ ta’ suwiċidju minkejja dak li rriżulta fl-awtopsja. B’dan id-diżgwid, il-Kummissarju tal-Pulizija ta’ dak iż-żmien, John Rizzo, kien talab lill-Maġistrat Coppini biex jordna li ssir awtopsja oħra u li din id-darba ssir minn patoloġisti differenti, iżda dejjem fil-preżenza kemm ta’ dawk li għamlu l-ewwel awtopsja kif ukoll tal-Pulizija. Il-Maġistrat Coppini laqa’ din it-talba u t-tieni awtopsja kienet saret nhar il-Ħadd, 24 ta’ Frar 2002 fl-istess kamra mortwarja. Din id-darba l-Patoloġisti kienu Ali Safraz, Brigette Ellul u Marie Therese Camilleri fil-preżenza tal-Ispetturi Carmelo Magri u John C. Ellul. Ir-riżultat tat-tieni awtopsja kien identiku bħall-ewwel waħda.
Arrestat Eġizzjan
Sadanittant il-Pulizija waslu biex arrestaw raġel Eġizzjan b’ċittadinanza Maltija, Ibrahim El Degwi li dak iż-żmien kellu 40 sena u li kien joqgħod ix-Xagħra stess. Huwa kien tressaq il-Qorti mill-Ispettur Antonello Grech, illum Supretedendent, u l-Ispettur Chris Pullicino, illum Aġent Supretendent. Għalkemm El Degwi kien akkużat bl-involviment tiegħu fil-qtil tal-anzjana, huwa ċaħad l-akkużi. Matul l-investigazzjonijiet El Degwi baqa’ dejjem jiċħad l-involviment tiegħu fil-qtil, iżda ammetta li, flimkien ma’ persuna oħra, kien wettaq serqa mir-razzett tal-anzjana fl-14 ta’ Ġunju 2001 fil-ħin li Attard kienet qed tisma’ quddiesa.
Beda għaddej ġuri dwar serq mhux bi qtil
Fit-3 ta’ Diċembru 2007 Ibrahim El Degwi beda għaddej ġuri quddiem l-Imħallef Dr Joseph Galea Debono fejn kien akkużat li seba’ snin u nofs qabel kien kompliċi f’serqa li ġrat f’Għawdex mir-razzett ta’ Marija Attard.
El Degwi, proprjament, kien suspettat bil-qtil tal-anzjana u din kienet ir-raġuni għaliex fl-10 ta’ Frar 2006 huwa kien reġa’ arrestah. Ġara li waqt li kien qed jinterrogah mill-ġdid dwar l-omiċidju, l-akkużat minn jeddu stqarr miegħu li kien involut fis-serqa li kienet saret ftit tax-xhur qabel mid-dar tal-anzjana, imma insista li ma kellu x’jaqsam xejn mal-qtil tagħha. Din id-dikjarazzjoni l-akkużat għamilha wara li s-Supretendent Grech qallu li kellhom suspett li kienu hu u Karmnu Mifsud magħruf bħala “l-Kajsu” li qatlu lill-anzjana. Kien qallu wkoll li wara kienu talbu l-għajnuna ta’ ċertu Emanuel Camilleri, biex tefgħuha fl-ispiera.
Jintbagħat 45 xahar priġunerija
Fil-5 ta’ Diċembru 2007, jumejn wara li beda għaddej ġuri, Ibrahim Hafes El Degwi ntbagħat 45 xahar ħabs wara li b’seba’ voti kontra tnejn, huwa nstab ħati li fl-14 ta’ Ġunju, 2001 seraq lil Marija Attard. Il-ġurati sabu lil El Degwi ħati ta’ serq u ta’ ħsara volontarja, filwaqt li b’mod unanimu sabuh ħati ta’ reċediva. Il-Qorti, ippreseduta mill-Imħallef Joseph Galea Debono u li wasslet għas-sentenza tagħha għall-ħabta tal-11.30am, ikkonsidrat li mill-fedina penali tal-Eġizzjan, kemm ilu hawn Malta kien diġà nstab ħati mill-Qrati erba’ darbiet.
Il-qtil ta’ Marija Attard għadu mhux solvut, iżda minkejja li għaddew 12-il sena xorta waħda l-Pulizija tibqa’ tittama li xi ħadd jersaq b’xi informazzjoni li tista’ titfa’ dawl fuq dan il-każ. Għaldaqstant kull min jaf xi ħaġa li tista’ tkun ta’ għajnuna lill-investigaturi jista’ jċempel fuq in-numru 119. Il-Pulizija tiggarantixxi l-kunfidenzjalità.