“Jiena m’iniex superman” – il-Papa Franġisku
More in Kronaka
Nhar il-Ħamis 13 ta’ Marzu Papa Franġisku jagħlaq sena mill-papat tiegħu. Ħafna faħħru l-ħidma ta’ dan il-Papa fl-ewwel sena tiegħu. Min jaqbel mal-istil tiegħu u min jgħid li huwa liberali żżejjed.
Iżda f’intervista esklussiva li kellu din il-ġimgħa f’għeluq l-ewwel anniversarju tiegħu, Papa Franġisku ċaħad li hu xi “superman” li se jġib riformi kbar fil-Knisja Kattolika Rumana. Hu enfasizza li t-tagħlim tal-Knisja Kattolika fuq il-kontraċezzjoni u l-oppożizzjoni dwar iż-żwieġ bejn koppji omosesswali se jibqgħu l-istess.
B’rabta mal-każi ta’ abbużi fuq minorenni, il-Papa qal li l-ebda istituzzjoni ma mxiet b’daqshekk “trasparenza u responsabbiltà” mill-Knisja sabiex tipproteġi t-tfal.
Din wasslet għall-kritika qawwija minn ċerta vittmi, bi grupp minnhom jiddeskrivi din l-asserzjoni tal-Papa bħala “mhux daqstant sinċiera”.
Mal-elezzjoni tiegħu sena ilu, Papa Franġisku ppromwova l-idea ta’ Knisja aktar umli li tiffoka fuq il-bżonnijiet tal-foqra. Dan wassal biex rebaħ popolarità kbira, speċjalment maż-żgħażagħ, u għolliet l-aspettattivi li jista’ jrattab it-tagħlim tal-Knisja fuq temi jaħarqu bħal kontraċezzjoni, il-koabitazzjoni, is-sagramenti għal dawk li ddivorzjaw u reġgħu żżewġu u r-relazzjonijiet bejn koppji omosesswali.
Mistoqsi dwar x’jaħseb fuq l-istatus tiegħu ta’ ċelebrità, Papa Franġisku qal li ma jaqbilx mal-‘mitoloġija’ dwaru bħala persuna li jista’ jilħaq kull aspettattiva.
“Li tpinġi lill-Papa bħala xi superman, xi stilla, hija offiża għalija. Il-Papa huwa persuna li jidħak, jibki, jistrieħ u għandu ħbieb bħal kulħadd, huwa persuna normali,” sostna Papa Franġisku.
Hu għamilha ċara li m’għandux pjan li jbiddel il-pożizzjoni tal-Knisja fuq kwistjonijiet sensittivi bħal projbizzjoni fuq il-metodi artifiċjali tal-kontroll tat-twelid li kienu ddaħħlu minn Papa Pawlu VI fl-1968 fl-enċiklika Humanae Vitae (enċiklika dwar il-Ħajja Umana).
F’Ottubru ta’ din is-sena, Papa Franġisku se jsejjaħ Sinodu Straordinarju tal-Isqfijiet biex jiddiskuti l-isfidi pastorali li jolqtu l-familja. Bi tħejjija għas-Sinodu, il-Papa xtaq li l-Insara kollha jsemmu d-diffikultajiet tagħhom u jagħtu l-ideat tagħhom fuq is-sitwazzjoni tal-familja u kif il-Knisja tista’ tkun ta’ għajnuna. Hu sejjaħ dan il-pass bħala wieħed “profetiku u kuraġġuż.”
“Din mhix kwistjoni li tbiddel id-duttrina, imma li tidħol aktar fil-fond sabiex il-pastorali żżomm f’moħħha sitwazzjonijiet partikolari u b’hekk naraw x’jista’ jsir għan-nies,” qal Papa Franġisku.
F’din l-intervista speċjali, il-Papa tenna l-pożizzjoni tal-Knisja liż-żwieġ huwa bejn raġel u mara. Iżda ta x’jifhem li jista’ jkun hemm xaqq ta’ dawl dwar il-pożizzjoni tal-Knisja fuq l-unjoni ċivili.
Papa Franġisku qal li l-pajjiżi jfittxu “li jirregolarizzaw sitwazzjonijiet differenti ta’ koppji li jgħixu flimkien” sabiex jiżguraw benefiċċji ekonomiċi. Hu kompla “jeħtieġ li nħarsu lejn każijiet differenti u nevalwawhom skont id-differenzi tagħhom.”
L-ewwel nett huwa importanti li nifhmu dak li qal u ma qalx Papa Franġisku. Hu għamilha ċara li ma jaqbilx maż-żwieġ bejn koppji gay. Lanqas ma ħabbar l-appoġġ tal-Vatikan għall-unjoni ċivili. Hu reġa’ saħaq, għal darb’oħra, it-tagħlim tradizzjonali u li ma nbidilx tal-Knisja Kattolika liż-żwieġ huwa bejn raġel wieħed u mara waħda.
Fuq kollox, huwa reġa’ fakkar lid-dinja li bħala Papa qed ifittex li jibni pont mal-komunità gay u mhux l-iskop tiegħu li jiġġudikahom. Dak li ħareġ f’din l-intervista huwa eku tal-kelmiet tant famużi fil-papat tiegħu sa issa: “Min jien biex niġġudikahom?” Dan il-kliem qalu l-Papa bħala tweġiba għall-mistoqsija ta’ ġurnalist f’konferenza tal-aħbarijiet f’Lulju tas-sena l-oħra.
Din il-frażi ta’ kompassjoni mill-Qdusija Tiegħu kienet sinifikanti ħafna mal-komunitajiet Kattoliċi madwar id-dinja. Fil-fatt dan it-ton ta’ Franġisku wassal biex ir-rivista favur il-komunità LGBT The Advocate’s jagħżel lilu bħala r-Raġel tas-Sena fl-2013.
F’din l-intervista, il-Papa mill-Amerika Latina semma wkoll kif meta kien qed jistudja s-seminarju fl-Arġentina, kien iffissat fuq tfajla. Din it-tfajla tant ġennitu li kellu jitkellem ma’ saċerdot dwar dan fil-qrar.
Interessanti l-fatt li nhar it-18 ta’ Marzu 2013, ħamest ijiem biss wara l-ħatra tiegħu, Papa Franġisku ħatar lill-qassis Malti Alfred Xuereb bħala segretarju personali tiegħu.