Il-fobjas – it-teatrini f’Xarabank
More in Kronaka
Ir-reazzjoni tal-poplu Malti u Għawdxi li segwa Xarabank il-Ġimgħa filgħaxija kienet waħda mħawda sew fil-ħsibijiet meta lbieraħ filgħodu qam jitkellem fuq dak li ra għal sagħtejn sħaħ fuq l-istazzjon nazzjonali f’ħin prim għax-xandir.
Fis-17-il sena ta’ Xarabank, il-preżentatur Peppi Azzopardi kellu diversi programmi fuq temi differenti; dawk politiċi, kulturali, drammatiċi, sportivi u anki emozzjonanti. Issa kien għad jonqos li dan il-menu jkompli jkun varjat bi programmi ta’ nies bħal Alan Bates, ipnotizzatur Ingliż, li bħal donnu ħadha drawwa li kultant żmien jidher u jingħata pubbliċità f’dan il-programm l-aktar segwit f’pajjiżna.
Fil-programm tal-Ġimgħa reġa’ kellna xeni li wieħed jiġi fid-dubju li jekk dawk il-persuni li qiegħed jara fl-istudios humiex fil-veru sens tal-kelma atturi tal-prima klassi jew le. Fl-istess programm, minn ħin għall-ieħor, bdiet toħroġ promozzjoni ta’ Peppi Azzopardi fejn fiha ddikjara li ma jkunx lest jippreżenta aktar programmi fuq it-televiżjoni jekk kemm-il darba xi storja minn dawk li kienu qegħdin jidhru kienet ivvintata.
Fil-programm tal-Ġimgħa kellna sagħtejn sħaħ ta’ spettaklu b’nies li jibżgħu mill-wirdien, mill-ġrieden, miż-żrinġijiet, mil-labar tar-ras u anki miż-żwiemel. Kollha kemm huma dehru mwerwrin fuq is-siġġijiet fejn kienu bilqiegħda b’Alan Bates iħares f’għajnejhom u b’Peppi Azzopardi jdur bil-mikrofonu minn ħalq għall-ieħor. F’temp ta’ ftit sekondi, Bates iraqqadhom, iqajjimhom, u dak jew dik li sa ftit sekondi qabel kienet tibża’ jew kien jibża’ minn dak l-oġġett jew l-insett jiġi jew tiġi qisu qatt ma kien xejn, anqas jekk dak jew dik li tkun taqbad l-oġġett jew l-insett b’idejha.
Iżda l-aktar li spikkaw f’dan il-programm tal-Ġimgħa kienu tliet xeni b’persuni differenti fihom li kollha kemm huma offrew spettaklu ta’ daħk lil dawk preżenti fl-istudios u lil oħrajn li fil-veru sens ma kellhom x’jagħmlu u qagħdu jsegwu dan il-programm minn ġo darhom fuq it-televiżjoni.
L-ewwel xena kienet bejn żewġ persuni, wieħed partitarju tat-tim nazzjonali Taljan u l-ieħor partitarju tat-tim nazzjonali Ingliż li jibdew jitkellmu fuq il-passjoni li għandhom għat-tim tagħhom sakemm ġew ippnotizzati u spiċċaw jilletikaw bejn xulxin għax wieħed ħa l-bandiera minn idejn l-ieħor. Sadanittant, il-partitarju tat-tim Ingliż qabad ikanta l-Innu Nazzjonali Taljan iżda l-partitarju tat-tim nazzjonali Taljan tfixkel liema hu l-innu tat-tim nazzjonali Ingliż u minflok il-‘God save the Queen’ qabad ikanta l-‘You never walk alone’, li fl-Ingilterra, din id-diska, tintuża mill-partitarji ferventi ta’ Liverpool qabel kull partita li jilagħbu f’Anfield.
Xena oħra kienet bejn żewġ nisa u raġel f’nofshom, b’waħda minnhom ipnotizzata li r-raġel li hemm bilqiegħda ħdejhom hu r-raġel tagħha, anki jekk ma tafux u qatt ma kienet ratu qabel. Fl-ewwel ipnoteżi tinħoloq storja li taparsi r-raġel tradiha mat-tfajla l-oħra u ma tkunx trid taf aktar bih, u fit-tieni ipnoteżi, ftit sekondi wara, l-mara jkollha reazzjoni ta’ maħfra u li tkun lesta taċċettah lura d-dar. Meta l-mara terġa’ lura għan-normal tistqarr li ma tkun taf lill-ebda persuna minn dawk it-tnejn li kienu bilqiegħda ħdejha.
Lejn l-aħħar tal-programm ikollna xena oħra spettakolari. Żagħżugħ ipnotizzat li ġej mill-pjaneta Mars u li jitkellem il-lingwa Marsista u miegħu bilqiegħda jkollu mara oħra ipnotizzata minn qabel li fil-kundizzjoni li kienet bdiet tgħid li kienet waqgħet f’din id-dinja bi żball mill-pjaneta Mars. Peppi Azzopardi, bħala preżentatur li jħobb iqabbad is-suspans lis-segwaċi tiegħu, jibda jġiegħel liż-żagħżugħ jistaqsi lill-mara bil-lingwa Marsista jekk tħobbx l-irġiel u jekk kemm ilha f’din il-pjaneta kellhiex x’taqsam sesswalment ma’ xi raġel. Il-mara tirrispondi lura, bil-lingwa suppost Marsista, li s-sess tħobbu u li iżda ma kinitx lesta tmur ma’ ebda raġel minn din il-pjaneta.