“Kellna nsawtu jew nissawtu”
Gwardjan lokali jitkellem dwar il-bżonn ta’ riforma
More in Kronaka
Gwardjan lokali jitkellem dwar il-bżonn ta’ riforma
Gwardjan lokali li ilu f’dan ix-xogħol tnax-il sena qal mal-ILLUM li r-riforma lokali mħabbra mill-gvern mhux biss intlaqgħet tajjeb miċ-ċittadini iżda wkoll mill-istess gwardjani lokali, “għax b’hekk mhux se nibqgħu l-bojja tal-poplu b’ċitazzjonijiet sfurzati.”
Mingħajr tlaqliq, il-gwardjan Joseph Borg sostna ma’ din il-gazzetta kif kull gwardjan lokali kien mhedded bl-impjieg tiegħu jekk inaqqas iċ-ċitazzjonijiet.
“Jew tagħti kontinwament iċ-ċitazzjonijiet jew inkella l-impjieg tiegħek huwa mhedded. Kien hemm każi fejn gwardjani lokali f’kumpanija partikulari saħansitra tneħħew mir-rotta minħabba nuqqas ta’ ċitazzjonijiet. Is-sistema preżenti ħonqot lil kulħadd,” jissokta jgħid Borg.
Hu jgħid li dan kien tort ta’ kif is-sistema kienet strutturata, bil-gwardjan lokali jrid jinsisti hu biex tiġi ffinanzjata s-sistema.
“Kien ikollna pressjoni kontinwa minn kull att biex inżidu kontinwament fiċ-ċitazzjonijiet ħalli l-ispejjeż tas-sistema, li huma kbar u esaġerati, jiġu sostenibbli. Minkejja li hu l-gwardjan lokali li kien iżomm is-sistema taħdem, konna nkunu l-aktar ikkalpestati f’sistema fejn lil gwardjan lokali tgħidlu jew issawwat jew tissawwat. Il-gwardjan lokali kien imxebba.”
Hu jargumenta li r-riforma kif proposta se toffri l-inqas indħil lill-gwardjani lokali, u ttihom l-opportunità li jkunu ta’ servizz liċ-ċittadin flok skjavi tas-sistema.
“Fl-aħħar se nkunu stmati u milqugħin. Nistgħu nkunu ħabib tal-poplu waqt li nedukawh. Naspiraw li nkunu sors ta’ prevenzjoni, protezzjoni, ħarsien, kif ukoll infurzar.”
Ir-riforma tara li s-sistema ma tibqax privatizzata, imma minflok jitwaqqaf unit li jkollu l-kontroll assolut tas-sistema. Minħabba l-privatizzazzjoni, fil-preżent 75% tal-flus imorru għand kumpaniji privati, filwaqt li l-Kunsilli Lokali kienu jirċievu biss 10%. Jekk ma kinux jingħataw biżżejjed ċitazzjonijiet is-sistema kienet tikkrolla finanzjarjament.
Iżda r-riforma titlob ukoll li l-gwardjani lokali attwali jkollhom jitħarrġu aktar biex iżommu posthom. Skont is-Segretarju Parlamentari Josè Herrera, il-gwardjani se jkunu mitluba jitħarrġu fil-komunikazzjoni, dwar l-ambjent kif ukoll għarfien bażiku tal-liġijiet.
Iżda Borg hu kunfidenti li din l-isfida mhux se tfisser it-tmiem tal-impjieg.
“Kull ħaġa fiha r-riskju tagħha. Il-maġġoranza tal-gwardjani huma inklinati biex jagħmlu minn kollox biex jilħqu l-livell meħtieġ u għalhekk huma iktar minn disposti li jwettqu t-taħriġ. Għalhekk naħsbu li f’dan l-istadju ma tidher l-ebda theddida ta’ telf ta’ impjieg,” qal il-gwardjan lokali.
Il-gwardjan lokali ta’ 55 sena jammetti li hemm bżonn jogħla l-livell tal-gwardjani, b’mod partikolari fil-mentalità u d-dixxiplina. Iżda ma jiqafx hemm. Jgħid li biex verament ir-riforma tkun waħda ta’ suċċess, is-servizz irid ikun indipendenti u ’l bogħod minn kull indħil tas-sindki, kunsilliera, kunsilli u reġjuni.
“B’hekk kull operat ikun aktar liberu u trasparenti,” itemm jgħid Borg.