Ħaġar Qim l-aktar sit storiku popolari
Forti Rinella l-inqas popolari
More in Kronaka
Forti Rinella l-inqas popolari
Skont informazzjoni li ħarġet mill-Parlament din il-ġimgħa, it-tempju ta’ Ħaġar Qim huwa l-aktar sit storiku popolari. Infatti, matul is-sena li għaddiet huwa stmat li żaruh kważi 120,000 persuna, żieda ta’ 5,000 fuq l-2012. L-entratura normali għal dan is-sit storiku dinji hi ta’ €9, u matul is-sena li għaddiet kienu biss madwar 6,000 li daħlu mingħajr ħlas.
It-tempju tal-Imnajdra jinsab biss 500 metru ’l bogħod minn dan it-tempju, iżda madankollu ġibed 30,000 viżitatur inqas minn Ħaġar Qim. Dan minkejja li l-istess biljett ta’ entratura għal Ħaġar Qim huwa validu wkoll għall-Imnajdra. Matul is-sena li għaddiet, dan it-tempju ġibed lejh aktar minn 83 elf persuna.
Skont statistiċi mogħtija mill-Ministru għat-Turiżmu Karmenu Vella, Għar Dalam, l-eqdem sit preistoriku f’Malta ġibed lejh 42,700 viżitatur, filwaqt li l-Palazz tal-Inkwiżitur ġibed aktar minn 40,000 persuna matul l-2013. Biex jara dawn l-attrazzjonijiet, adult mitlub iħallas somma nominali ta’ €5-€6.
Mqabbel ma’ dawn is-siti storiċi, il-Forti Rinella jidher li jbati min-nuqqas ta’ popolarità. Is-sena li għaddiet ġibed ‘biss’ għaxart elef ruħ.
Ta’ min jinnota li fil-maġġor parti ta’ dawn is-siti, kienet reġistrata żieda regolari fin-numru ta’ viżitaturi matul l-aħħar ħames snin. Eċċezzjoni partikolari hi dik dwar l-Imnajdra u Ħaġar Qim fl-2009, bin-numri jonqsu drastikament minħabba li kien qed isir xogħol fuq tinda li tipproteġi t-tempji.