Inġinier marittimu jgħid li “l-biżgħat huma biss perċezzjoni”

It-terminal fil-Port ta’ Marsaxlokk

Il-biżgħat dwar it-tanker għall-ħażna tal-gass LNG “huma biss perċezzjoni” skont il-Viċi-President tal-kumpanija SPT u l-Inġinier Marittimu Stephen Davidson.

Din il-kumpanija tispeċjalizza fuq il-ġarr ta’ żejt u gass u se tkun qed tissupplixxi it-tanker għall-proġett tal-enerġija f’Marsaxlokk.

F’kummenti esklussivi waqt il-programm Reporter, Davidson qal li jifhem il-biża’ ta’ ħafna nies. Hu attribwixxa din il-biża’ ma’ nuqqas ta’ għarfien dwar il-prodott u l-metodi li jintużaw sabiex jinħażen il-gass LNG u jiġi trasportat b’mod sigur.

“Il-gass LNG għandu rekord għoli ta’ sigurtà. Dan jiġi maħżun fi kwantitajiet kbar madwar id-dinja.” 

Davidson qal li l-gass LNG huwa sors ta’ enerġija nadifa u mhux tossiku. Barra minn hekk dan jiġi maħżun b’mod sigur ħafna u meta jaqbad ma jinfirixx ħafna.”

Hu sostna li l-LNG huwa ferm eħfef mill-arja f’temperaturi normali: “Dan ifisser li jekk minħabba inċident sfortunat ikun hemm xi tnixxija, dan ma jinfirixx.”

Il-gass LNG li jiġi maħżun fit-tankijiet, jinżamm f’atmosfera inerta.

Davidson qal li l-ħażna tal-gass LNG, kif tħares lejn l-kumpanija, tista’ jew issir fuq l-art jew fuq il-baħar. F’kas li din issir fuq il-baħar, hemm żewġ għażliet: ħażna li ssir fuq tanker il-barra mill-port u li fuqu ssir anke r-rigassifikazzjoni, jew ħażna tal-gass fuq tanker fil-port.

“It-tieni għażla hija dak li nippreferu aħna u dan għaliex din ġiet pruvata li taħdem f’diversi żoni. Barra minn hekk, din se ġġib aktar benefiċċji lir-residenti tal-lokal f’termini ta’ xogħol u servizzi li jingħataw,” qal Davidson.

Huwa mifhum li r-residenti ta’ Marsaxlokk qed jopponu l-faċilità għall-ħażna tal-gass fuq vapur sorġut fil-port ta’ Marsaxlokk.

More in Kronaka