Ir-rotta tal-qattiel tal-qtates
Għall-ewwel darba tiġi żvelata mappa ta’ fejn twettqu dawn l-atti atroċi ta’ tislib t’annimali fil-Mosta. Il-gazzetta ILLUM tinvestiga l-passi tal-qattiel u fejn sar it-tislib… tislib li b’eċċezzjoni waħda, kollha saru fiċ-ċentru tal-lokalità. “Probabbiltà kbira li l-moħħ hu familjari ħafna ma’ dawn l-inħawi,” tgħid psikologa forensika ma’ din il-gazzetta.
minn James J. Piscopo
Il-każijiet tat-tislib tal-annimali fil-Mosta saru kollha ftit ’l bogħod minn xulxin, b’eċċezzjoni waħda biss li saret fil-periferija tal-Mosta. Kif turi mappa mħejjija minn din il-gazzetta u li qatt ma dehret fil-pubbliku s’issa, turi biċ-ċar li l-każijiet saru kollha ftit passi ’l bogħod minn xulxin.
Minkejja li l-lokalità tal-Mosta hija fost l-akbar f’Malta, il-moħħ wara dawn il-każijiet iddeċieda li jiffoka fuq iċ-ċentru tar-raħal.
B’mod partikolari, il-postijiet jiffukaw fuq il-post fejn kien joqgħod Franġisku Buhagiar (in-naħa ta’ fuq ta’ Triq il-Kbira) u anke n-naħat ta’ fejn joqgħod bħalissa (fiż-żona ta’ Sant Anton Abbati). Fiż-żewġ postijiet, it-tislib t’annimali sar aktar minn darba fl-istess post fi spazju ta’ ftit xhur.
Isem Franġisku Buhagiar qed ikun msemmi dejjem aktar f’dawn il-każijiet. L-ewwel tislib kien sar mar-residenza tiegħu fi Triq il-Kbira, fl-istess post fejn fis-16 ta’ Frar 1999 kien qatel lil oħtu, Maria Buhagiar. Fl-aħħar każ li seħħ fit-3 ta’ Frar 2014, it-tislib sar ma’ waħda mill-istatwi tal-faċċata tar-Rotunda, li kienet imħallsa mill-istess Franġisku Buhagiar.
Il-psikologa forensika Roberta Holland qalet ma’ din il-gazzetta li bin-nuqqas ta’ informazzjoni dwar il-każ, diffiċli tgħid jekk ir-raġuni hux vera relatata ma’ Franġisku Buhagiar jew sempliċiment qed tintuża biex tiżgwida lill-pulizija.
“Ma tantx nistgħu ngħidu bl-informazzjoni li hemm pubblika. In-noti hekk jagħtu x’tifhem, imma jidher li l-pulizija eskludietu. Persważa li huma konvinti minn dan u huma jafu r-raġuni. Ir-raġuni għalfejn hu indikat Buhagiar lanqas ma nistgħu nafuha ħabba n-nuqqas ta’ informazzjoni,” qalet Holland.
L-esperta f’dan il-qasam issuktat tgħid li ġeneralment reati kriminali jitwettqu l-iżjed viċin il-post li wieħed joqgħod jew ikun jiffrekwenta spiss. Dan għaliex b’hekk ma jiġbidx daqshekk l-attenzjoni bħala stranġier, ikun iżjed familjari mal-post u konxju ta’ x’possibbiltajiet hemm li jinqabad.
“Il-fatt li l-istess att qed isir fl-istess lokalità probabbli jfisser li min qed iwettaqhom familjari sew mal-Mosta. Ovvjament l-eċċezzjonijiet jeżistu f’kollox, u għalkemm din hija t-tendenza, inżommu f’moħħna li Malta pjuttost żgħira… ħafna nies jistgħu jkunu familjari ma’ xi raħal jew belt li jiffrekwentawha spiss mingħajr ma jkunu joqogħdu hemm.”
Din il-gazzetta niżlet fit-toroq tal-Mosta u żaret il-postijiet li magħhom sar it-tislib. Sabet li b’kuntrast ma’ dak li jingħad fit-triq, il-postijiet mhumiex għal kollox f’inħawi mhux abitati jew frekwentati min-nies.
Minkejja li l-maġġoranza saru ma’ statwi reliġjużi, dawn kollha kienu qalb żoni residenzjali.
F’ċerti postijiet, fosthom l-istatwa tal-Madonna f’Misraħ Brittanja li magħha sar it-tislib f’Settembru 2013, hija mdawra bi djar minn kull naħa. L-istatwa u l-kappella ta’ Sant Anton Abbati, li magħhom sar it-tislib f’Jannar 2012 u Frar 2013, saħansitra huma kważi bieb ma’ bieb ma’ djar residenzjali oħra.
Sfortunatament, il-fatt li t-tislib sar fis-sigħat ta’ filgħodu wassal biex ir-residenti qatt ma setgħu jaqbdu lill-persuni fil-fatt.
Ħarsa lejn il-mappa turi wkoll li r-residenza oriġinali ta’ Buhagiar tinsab fiċ-ċentru ta’ każi oħra ta’ tislib. Dan meta timmarka fuq mappa l-postijiet tat-tislib li seħħew mal-Oratorju, mar-Rotunda, ma’ bieb fi Triq Baskal Buhagiar u mal-kappella ta’ Sant Anton Abbati.
Il-każ li seħħ fit-3 ta’ Frar li għadda qajjem aktar sensazzjonaliżmu fuq it-tislib tal-annimali fil-Mosta wara li l-pulizija ppubblikat filmati ta’ CCTV li juru persuna ta’ inqas minn 40 sena, tosserva l-post, tiġri, u ssallab l-annimal.
Minkejja dawn il-filmati, mhumiex ċari biżżejjed biex il-pulizija tidentifika persuna jew suspettat. Il-fatt li dan il-persuna allegatament qed juża maskra tal-wiċċ tkompli tagħmel xogħol l-investigaturi diffiċli.
Iżda issa jidher ċar li l-moħħ wara dawn il-każijiet, li f’waħda mill-ittri li ħalla mal-qtates qal li għadu jħoss il-weġgħa ta’ mara ta’ 48 sena ilu, qed juża lil xi ħaddieħor biex jieħu dan ir-riskju minfloku.
Li hu ċert hu li l-persuna mqabbda għadha relattivament żgħira fl-età u f’kundizzjoni atletika tajba. Il-filmati juru l-persuna tiġri b’ħeffa iżda mhux biss. Ħarsa lejn l-istatwa li magħha sar it-tislib turi li mhix faċli li titla’ magħha u diffiċli tagħmel dan.
Il-filmati juru li l-persuna għamel l-ewwel tislib għal ħabta tas-1.30am. Hu dam biss 30 sekonda mdendel mal-istatwa sakemm lesta. Il-persuna rritorna madwar tliet sigħat wara biex dendel it-tieni annimal, din id-darba mal-ġenb tar-rotunda.
Il-psikjatra forensika Roberta Holland irrimarkat li diffiċli tgħid jekk il-pubblikazzjoni tal-filmati jservux ta’ deterrent biex min qed jagħmel dawn l-atti ma jirriskjax aktar.
“Għalkemm deterrenti ta’ kull tip jaħdmu ma’ ħafna nies, ma’ xi oħrajn ma jaħdmux. Jiddependi ħafna mill-evalwazzjoni personali ta’ dak li jkun tiegħu nnifsu, tas-sitwazzjoni, tal-azzjonijiet tiegħu u x’se jieħu jew jitlef jekk iwettaqhom.”
Holland issuktat tgħid li ovvjament, jekk dak li jkun ma jkunx irid jinqabad, se joqgħod aktar attent jew jagħmel xi tibdiliet biex ma jinqabadx.
It-tislib tal-annimali issa daħal fil-ħdax il-każ tiegħu, u ra l-bidu tiegħu fis-16 t’Ottubru 2011 u kompla eżattament xahar wara. It-tislib tal-annimali rritorna fis-17 ta’ Jannar 2012 u fl-istess sena seħħew fi Frar u Diċembru 2012.
Is-sena li għaddiet rajna żieda ta’ dawn il-każi b’xejn inqas minn ħames każijiet (Jannar, Frar, April, Settembru u Ottubru 2013).
Interessanti l-fatt li l-każijiet dejjem saru nhar is-16 jew 17 tax-xahar. Inċidentalment, l-unika tliet eċċezzjonijiet dejjem saru fi Frar ta’ kull sena, l-istess xahar tal-qtil t’oħt Franġisku Buhagiar.