Ikompli l-eżodu tal-immigranti illegali li qed jaħarbu mill-kosta Afrikana lejn l-Ewropa fejn matul il-jumejn li għaddew, l-awtoritajiet Taljani salvaw mijiet t’immigrant f’operazzjoni ta’ salvataġġ b’għajnuna mill-Forzi Armati ta’ Malta.
Mhux l-immigranti kollha rnexxilhom isalvaw hekk kif 19-il persuna hu magħruf li tilfu ħajjithom wara li d-dgħajsa li kienu qegħdin jivvjaġġaw fuqha bdiet tegħreq fiż-żona ta’ tiftix u salvataġġ Maltija.
Jirriżulta li dan il-grupp ta’ immigranti kien jifforma parti minn grupp ieħor akbar ta’ bejn it-300 u l-400 immigrant u jirriżulta li waqt l-operazzjoni ta’ salvataġġ li saret mill-Forzi Armati ta’ Malta kien hemm xi immigranti oħrajn li għerqu.
Filwaqt li dawk li mietu se jinġiebu f’pajjiżna aktar tard illum, dawk li baqgħu ħajjin ittieħdu lejn Lampedusa.