Eco Wardens pajżana minn għada f’Birkirkara

Iż-żamma tal-indafa f’pajjiżna hija prijorità f’kull lokalità u għalkemm ilna żmien twil nassistu għal kampanji edukattivi sabiex inżommu ambjent nadif, xorta għad fadal min iħammeġ barra minn daru mingħajr skruplu.

Minn għada filgħodu, l-lokalità ta’ Birkirkara se tkun qed tiżgura li l-ambjent jinżamm ferm aktar nadif permezz tal-introduzzjoni ta’ Eco Wardens. Dawn l-Eco Wardens pajżana mhux se jkunu lebsin l-ebda uniformi intenzjonalment sabiex ma jkunux magħrufa minn min ikun beħsiebu jew ikun qiegħed iħammeġ u b’hekk jispiċċa jinqabad fil-fatt.

Fost l-infurzar li se jeżiġu l-Eco Wardens hemm li m’għandhomx jintefgħu boroż bi skart madwar l-iskips, li l-ħmieġ tal-klieb għandu jinġabar mis-sid ġo borża li huwa obbligat li jġorr miegħu, li kull min jitma’ l-annimali barra huwa responsabbli li jnaddaf u li ħadd m’għandu jitfa’ sigaretti barra.

Il-boroż tal-iskart għandom jinħarġu mit-tmienja ta’ filgħodu mit-Tnejn sas-Sibt biss. Boroż suwed nhar ta’ Tnejn, Erbgħa, Ġimgħa u Sibt filwaqt li boroż ħodor jinħarġu biss it-Tlieta u l-Ħamis. 

Din il-gazzetta għamlet kuntatt mal-Kunsill ta’ Birkirkara fejn staqsejna x’se jagħmel min ikun irid joħroġ għax-xogħol qabel it-tmienja. Il-kelliema tal-Kunsill qalet li min jaħdem jista’ joħroġ il-borża sa mis-sitta ta’ filgħodu basta il-borża tinżamm quddiem il-bieb tal-individwu. 

Mistoqsija x’jiġri jekk persuna tikser xi waħda mir-regolamenti msemmija aktar ’il fuq, il-kelliema qalet li f’dak il-każ l-Eco Wardens għandhom il-poter biex joħorġu ċitazzjonijiet lil min hu responsabbli għan-nuqqas t’għemilu. 

More in Kronaka