“Id-drittijiet tal-istudent mhumiex negozjabbli” - Il-President tal-Pulse

Għalkemm Lulju daħal ġmielu u l-maġġoranza tar-riżultati ta’ skejjel diversi ħarġu, mhux il-każ fejn jidħlu l-istudenti tal-Università ta’ Malta. Il-President tal-korp studentesk Pulse, avviċina lill-ġurnal ILLUM sabiex juri t-tħassib tal-organizzazzjoni dwar din il-kwistjoni.

“Tul dawn l-aħħar snin, il-korp studentesk kellu jaffaċċja kwistjoni wara l-oħra fejn fiha l-istudent bħal donnu jiġi mistenni jċedi parti mid-drittijiet tiegħu sabiex jakkomoda xi awtorità, jew sabiex jiġu mħarsa l-prattiċi preżenti. Sfortunatament għal xi wħud, il-kunċett ta’ dawn id-drittijiet huwa ineżistenti, jew agħar minn hekk, jista’ jinbidel mal-esiġenzi tal-ġurnata. B’hekk ripetutament l-istudent jispiċċa jiżżeffen fin-nofs ma’ kull kwistjoni, bl-inċertezza u n-nuqqas ta’ komunikazzjoni effettiva jtellfu mill-progress akkademiku tiegħu. 

Sfortunatament tul dawn l-aħħar ġimgħat rajna kwistjoni ta’ din ix-xorta tiżviluppa hekk kif l-istudenti Universitarji u tal-Junior College tħallew fid-dlam dwar l-effetti tad-diżgwid industrijali bejn l-Għaqda tal-Akkademiċi tal-Università (UMASA) u l-MUT, u l-Ministeru tal-Edukazzjoni u l-Amministrazzjoni tal-Università. Fid-dawl tal-fatt li bħalissa l-maġġoranza tal-istudenti jinsabu fuq ix-xwiek jistennew ir-riżultati tagħhom, inċertezza ta’ din ix-xorta hija inaċċettabbli. Qed nitkellmu dwar il-futur ta’ studenti li għalihom ir-riżultati tal-aħħar tas-sena għandhom ituhom indikazzjoni ta’ kif sejrin fil-kors tagħhom. F’ċerti każijiet, dawn ir-riżultati se jkunu qegħdin jiddeterminaw saħansitra jekk student hux eleġibbli għal skambju tal-Erasmus jew boroż ta’ studju.

L-istudent mhuwiex xi ass strateġiku sabiex jintuża fin-negozjati. Id-drittijiet tiegħu ma jistgħux jiġu mċaħħda minħabba falliment fin-negozjati. Sfortunatament azzjonijiet bħal dawn inisslu dubji serji dwar jekk il-partijiet konċernati humiex tassew iħarsu lejn l-istudenti bħala individwi b’futur li jrid jiġi determinat b’riżultat, jew sempliċiment bħala numri fuq karta. 

Ittra li ntbagħtet fl-4 ta’ Lulju li titlob lill-partijiet ikkonċernati fid-diżgwid biex jikkonfermaw ir-rieda tagħhom li ma jaffettwawx il-publikazzjoni tar-riżultati, baqgħet mhux imwieġba. Bla dubju, is-skiet huwa risposta, u jservi ta’ prova ta’ mentalità li tippretendi li l-istudent għandu jibqa’ servili għal kull sitwazzjoni.

Strutturi bħalma huma l-Ombudsman tal-Università jridu jingħataw iżjed flessibbiltà sabiex jissalvagwardjaw id-drittijiet tal-istudent. Hemm bżonn li jittieħdu miżuri bħal din biex nassiguraw li meta l-istudent jitkellem, isib lil min jisimgħu u jikkunsidrah. Fir-rigward tal-kwistjoni industrijali fl-Università, nappellaw għal darb’oħra lill-partijiet kollha konċernati biex iġibu quddiem għajnejhom l-eluf ta’ żgħażagħ li sforz in-nuqqas ta’ ftehim bejniethom, se jkunu qed iqattgħu parti sostanzjali mis-sajf tagħhom b’inċertezza li mhix denja tal-Università tagħna.”

Il-President tal-Pulse, Matthew Zerafa għalaq il-kumment tiegħu billi saħaq li “L-għaqda Pulse se tkun qed issegwi s-sitwazzjoni u tieħu kull pass neċessarju biex tiżgura li d-drittijiet tal-istudenti jkunu l-pedament li fuqu jinbena l-futur tal-istituzzjonijiet edukattivi tagħna.”

More in Kronaka