“Il-Green Jobs jgħinu t-tkabbir ekonomiku ta’ pajjiżna” - Leo Brincat

Il-Green Jobs se jagħtu spinta akbar lit-tkabbir ekonomiku ta’ pajjiżna. Dan ħabbru l-Ministru għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-Ambjent u t-Tibdil fil-Klima Leo Brincat meta kien qed jindirizza l-laqgħa informali tal-Ministri Ewropej f’Milan li hija l-ewwel waħda li qed issir taħt il-Presidenza Taljana tal-Unjoni Ewropea li bdiet fl-ewwel ta’ dan ix-xahar. 

Leo Brincat matul l-intervent tiegħu f’Milan
Leo Brincat matul l-intervent tiegħu f’Milan

Il-Ministru saħaq li għandhom jissaħħu r-rabtiet bejn it-tħaddir tal-ekonomija u l-proċess tal-qawmien ekonomiku fl-istati membri. 

Brincat qal li d-dimensjoni ambjentali għandha tirrispetta l-kompetenzi nazzjonali u Ewropej partikolarment dwar kwistjonijiet bħat-tassazzjoni, filwaqt li saħaq li hemm bżonn ko-ordinazzjoni effettiva ta’ dawn il-kwistjonijiet mal-istrutturi tal-governanza ekonomika, li għandhom jiġu indirizzati mill-Ministri tal-Finanzi tal-pajjiżi rispettivi fi ħdan l-Unjoni Ewropea.

Huwa qal li pajjiżna jemmen li inċentivi fiskali u start up grants għall-attività intraprenditorjali għandhom jgħinu fil-promozzjoni tat-transizzjoni lejn l-hekk imsejjaħ green growth.

Il-Ministru ħabbar ukoll li l-miżuri proposti fl-istrateġija tal-Gvern sejrin ikunu suġġetti għall-evalwazzjoni ekonomika sabiex jiġi stabbilit il-kontribut effettiv tagħhom lill-ekonomija ta’ pajjiżna flimkien mal-potenzjal tagħhom li joħolqu Green Jobs ġodda. Huwa qal li l-Gvern Malti se jkun qed jagħmel ukoll konsultazzjoni pubblika f’pajjiżna qabel tiġi finalizzata l-istrateġija dwar l-ekonomija l-ħadra. 

Brincat tenna li għalkemm f’Malta kien sar sondaġġ mill-Employment and Training Corporation (ETC) dwar id-daqs u n-natura tal-Green Jobs f’pajjiżna, dan imur lura sa madwar tmien snin ilu, u għaldaqstant huwa kien awtorizza lill-Ministeru tiegħu, sabiex permezz tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) isir eżerċizzju ta’ benchmarking flimkien ma’ eżerċizzju statistiku iżjed komprensiv li jirrifletti l-iżviluppi li saru fl-aħħar snin f’dan is-settur. 

Il-Ministru Brincat ħa sehem ukoll f’Parallel Round Table dwar Green Jobs u Politiki Ambjentali mmexxijja minn uffiċjali għoljin tal-UNEP. L-Università Bocconi wkoll qed tieħu sehem fid-diskussjoni dwar il-Green Growth taħt iċ-Chairmanship tal-Ministru Taljan tal-Ambjent Gian Luca Galletti flimkien mal-Kummissarju Ewropew għall-Ambjent Janez Potočnik.

More in Kronaka