100 jum ta’ Marie Louise Coleiro Preca
Ftit tal-jiem ilu skorrew il-100 jum mill-ħatra ta’ Marie Louise Coleiro Preca bħala President. Ħatra li ġabet magħha reazzjonijiet diversi. Min qal li għadha żgħira għal din il-ħatra, min qal li kien għad fadlilha x’toffri fil-partit Laburista u b’mod speċjali l-Qriema inkwetaw li mhux se jkollhom min jisma’ l-ilmenti tagħhom.
minn Jean Pierre Cassar
ILLUM marret f’ras il-għajn u tkellmet mal-President infisha u ma’ ħames personalitajiet li tkellmu dwar l-ewwel 100 jum tagħha.
Il-President Marie Louise Coleiro Preca kkummentat hekk “Meta nħares lura lejn dawn l-ewwel mitt jum, inħares lejn il-Presidenza bħala opportunità biex inservi lill-poplu Malti u Għawdxi fuq livell ogħla. F’kull kariga li okkupajt dejjem ħarist lejn l-aspirazzjonijiet tal-poplu, fejn dan il-poplu jixtieq jasal. U llum qed nagħmel dan mill-ogħla kariga tal-pajjiż.”
Mistoqsija x’ħasset fil-perjodu tat-tranżizzjoni minn Ministru għall-President qalet li “t-tranżizzjoni ma kinitx waħda faċli, għaliex il-familja tiegħi mhux biss kellha taddatta għal dan l-irwol il-ġdid tiegħi iżda wkoll tħalli warajha dak kollu li kienet taf, inkluż ir-residenza tagħna. Madankollu nista’ ngħid li nħossni onorata li f’dawn l-ewwel mitt jum bdejna nibnu l-viżjoni ta’ din il-Presidenza fejn fost l-oħrajn waqqafna l-Fondazzjoni tal-President għall-Ġid tas-Soċjetà.”
Staqsejna lill-President x’inhuma l-proġetti u l-miri għall-Presidenza tagħha. “It-tisħiħ tal-identità Maltija jibqa’ fuq nett tal-aġenda ta’ din il-Presidenza. Kemm tal-Maltin li jgħixu Malta kif ukoll tal-Maltin li emigraw. Il-viżjoni tiegħi hi li sa tmiem din il-Presidenza nkabbar il-fjamma tal-identità Maltija f’qalb il-poplu Malti u Għawdxi kollu.
Dan huwa żmien eċitanti ħafna għall-Presidenza għaliex f’dawn l-ewwel ftit xhur inkunu qegħdin nagħżlu d-direzzjoni li fiha rridu nimxu. Li hu żgur huwa li se nkompli nkun viċin il-poplu li jien nirrappreżenta. Iżda mhux biss. Permezz tal-Malta Community Chest Fund se nibqgħu nuru solidarjetà ma’ dawk li għandhom bżonn. Għalhekk li flimkien ma’ attivitajiet kbar bħar-Rockestra u l-avvenimenti tal-Istrina, se nżidu oħrajn ġodda biex nassiguraw it-twettiq tas-solidarjetà. Solidarjetà li tagħti dinjità lil kull min jeħtieġha.”
Iżda x’għandhom xi jgħidu l-personalitajiet dwar Marie Louise Coleiro Preca? ILLUM ħadet il-kummenti ta’ personalitajiet differenti u staqsiethom kummenti ġenerali dwar x’jaħsbu fuq l-ewwel 100 jum tat-tieni president mara fl-istorja ta’ pajjiżna. Fost opinjonisti li ta’ sikwit jesprimu ruħhom fuq dan il-qasam ILLUM ħadet kummenti wkoll ta’ persuni li tkellmu fuq id-dehra tal-President.
Mhux l-ewwel darba li l-mezzi soċjali jimtlew ritratti ta’ xi personalità kemm barranin u bil-wisq iktar Maltin, li jaħsbu li ma tkunx libset adattat. X’għandhom xi jgħidu l-istilisti fuq l-istil tal-President tagħna?
Shasha – Artista tal-Irtokk
“Qed taqta’ figura tajba tagħha”
“Bħala President, kummenti sbieħ għandi fuqha. Mara mill-aqwa, qalbha tajba u baqgħet saqajha mal-art. Dejjem baqgħet umli u tifhem lil dak li jkun. Ma nbidlet xejn minn kemm ili nafha.
Dwar id-dehra nista’ ngħid li għandha dehra tajba ħafna. Baqgħet il-mara tal-poplu kif jafha kulħadd. M’għandix kummenti negattivi fuq id-dehra tagħha, hija persuna li qed iżżomm mal-kariga li għandha. Mhijiex persuna li tħobb tidher, anzi hija persuna konservattiva ħafna, kif naħseb li għandu jkun meta jkollok din il-kariga. Qed taqta’ figura tajba tagħha.
Kumment wieħed għandi, dwar ir-ritratt uffiċjali tagħha. F’dan il-każ naħseb li ma kienx l-irtokk, iżda iktar il-mod kif ġie editjat. Wieħed irid iżomm f’moħħu li din hija persuna pubblika, politika u fl-aħħar mill-aħħar hija l-President. Kien hemm editing eseġerat, u li l-President żgur ma jistħoqqilhiex hekk.”
Marisa Grima – Stilista tal-ħwejjeġ
“Qed jirnexxielha tilbes bi stil adattat u eleganti”
“Kien ilu ma jkollna President mara għal żmien twil u ħadt gost ħafna meta ntgħażlet mara għal din il-kariga. L-istil li qed tilbes huwa wieħed adattat ħafna. Hija persuna pubblika u għalhekk trid toqgħod attenta x’tilbes. Hija mara konservattiva iżda qed jirnexxielha tilbes bi stil adattat. Għandha stil eleganti, mhux se tippretendi xi ħaġa tal-aħħar moda, minħabba li f’kariga bħal dik trid toqgħod attenta, iżda l-istil li qed tmur għalih hu wieħed tajjeb ħafna. Dejjem tmur għal kuluri newtrali u serji. Naħseb ukoll li hija sfida diffiċli għaliha, meta tqis kemm ikollha avvenimenti differenti, iżda xorta waħda ngħid li qed jirnexxielha.
Jien għad ma kellix ix-xorti li niltaqa’ magħha, però milli nisma’ hija mara li tħobb tgħin ħafna. Kulħadd nisimgħu jgħaddi kummenti pożittivi fuqha. Dawk li kienu nkwetati li mhux se tibqa’ tismagħhom minħabba din il-kariga, rat kif għamlet u xorta baqgħet f’kuntatt magħhom.”
Staqsejna lil Marisa dwar ir-ritratt uffiċjali tal-President fejn qalet “Jogħġobni l-fatt li r-ritratt kien miġbud barra u mhux f’xi studio. Tidher naturali ħafna u mhux qed tippoża. Ir-ritratt ukoll iġiegħlek tħossok komdu mal-persuna u ma timbuttakx. Kull ma nara f’dan ir-ritratt hi mara sabiħa."
Claudia Taylor-East
“Figura li se tittrasforma lil pajjiżna”
“Inqis lill-Eċċellenza tagħha bħala figura trasformattiva għal pajjiżna, b’mod speċjali fejn jidħlu d-drittijiet umani, il-ġustizzja soċjali u l-governanza xierqa. Din il-Presidenza diġà turi li se tagħti tifsira ġdida għas-solidarjetà mal-iktar vulnerabbli fis-soċjetà tagħna. Qed taħdem mill-viċin mat-tliet setturi f’pajjiżna, il-gvern, in-negozji u s-soċjetà ċivili. M’għandi l-ebda dubju li din se tkun żviluppata fi pjattaforma b’saħħitha għal sħubija u impenn ma’ dawk kollha li jemmnu f’ġustizzja globali. Bl-approċċ tagħha, li titfa’ lill-bniedem fiċ-ċentru, il-viżjoni tagħha tista’ tinkiseb.”
Fr. Martin Micallef – Direttur tad-Dar tal-Providenza
“Persuna li twettaq dak li tgħid”
“L-għażla ta’ Marie Louise Coleiro Preca bħala l-President il-ġdid ta’ Malta kienet żgur għażla fid-direzzjoni t-tajba għax iġġorr magħha esperjenza twila ta’ ħidma fil-ħajja pubblika u soċjali. Jidher ċar li l-ħatra tagħha se tkompli tgħolli d-dinjità tal-Presidenza u se tgħin biex il-poplu Malti u Għawdxi jara fiha l-persuna li tgħaqqadhom u tagħmilhom aktar kburin b’pajjiżhom. Jidher ukoll li l-President Coleiro Preca se tkompli tibni fuq il-ħidma li saret qabel filwaqt li ma tiddejjaqx tagħti wkoll it-timbru tagħha lil din il-Presidenza.
Id-Dar tal-Providenza apprezzat ħafna l-fatt li l-Onor. Marie Louise Coleiro Preca għoġobha tagħżel dan il-post biex tagħmel il-quddiesa hekk imsejħa “Tal-Ispirtu s-Santu” qabel tieħu l-ġurament tal-ħatra bħala l-President il-ġdid ta’ Malta u tagħti bidu għall-ħidma tagħha f’din l-ogħla kariga tal-pajjiż. Għalija din l-għażla wriet ix-xewqa tagħha li taħdem biex is-soċjetà Maltija tkun dejjem aktar inklussiva, ġusta, ugwali, solidali ma’ kull min għandu bżonn xi tip ta’ appoġġ, li għandha għal qalbha ż-żgħir u li tara d-differenza bħala xi ħaġa sabiħa u mhux theddida.
Mitt jum wara l-ġurament tal-ħatra nemmen li minkejja li llum qed tokkupa l-ogħla kariga tal-pajjiż, l-Eċċellenza Tagħha Marie Louise Coleiro Preca, baqgħet il-persuna li kienet; il-persuna tan-nies, umli, tisma’ lil kulħadd u twettaq dak li tgħid.”
Peppi Azzopardi – Preżentatur
“M’għandhiex tkun il-vuċi ta’ kulħadd”
“Il-President Marie Louise Coleiro Preca temmen li l-karità mhix l-aqwa mezz kif tiġġieled l-inġustizzja. Naqbel magħha. U nifhem li trid tibdel il-karità fid-dritt li s-soċjetà għandha lejn nies fil-bżonn. Nifhem li tħossha xi ftit skomda f’dan ir-rwol. Iżda konvint li s-soluzzjoni tinstab f’żewġha Edgar.
Edgar huwa persuna b’kariżma rari ħafna, persuna b’umiltà ġenwina li ma tinbidilx quddiem jew wara kamera. Edgar għandu intelliġenza emozzjonali inkredibbli. Edgar għandu jkun il-wiċċ tal-Community Chest Fund waqt li l-President tibqa’ l-wiċċ u l-vuċi biex il-karità tinbidel kuljum fid-drittijiet għal dawk li huma l-aktar fil-bżonn. Għax hi temmen tassew fil-ġustizzja soċjali. It-tfal verament huma l-mimmi ta’ għajnejha, u naf li qed taħdem b’enerġija biex ix-xibka ta’ solidarjetà f’pajjiżna tiddependi dejjem anqas mill-karità.
Kont qed insegwi lil Marie Louise Coleiro Preca waqt il-gradwazzjoni tal-Caritas u minn fejn kont, bla ma taf, stajt ninota l-body language tagħha. Bdiet tifraħ u taqbeż bil-ferħ tara dawk iż-żgħażagħ clean mid-droga. U dan meta kienet fuq is-siġġu fid-dlam u mhux fuq il-palk bl-attenzjoni fuqha. U hemm tinduna kemm din il-mara tħoss il-ferħ fil-ġid tan-nies. Iżda d-diskors tagħha dakinhar kellu jkun aktar konkret, jieħu pożizzjoni. Il-President m’għandhiex tħalli l-Presidenza toħnoqha. Bħala President, biex tkun il-vuċi ta’ dawk vulnerabbli ma tistax tkun il-vuċi ta’ kulħadd.
Sa issa l-President ma togħġobni xejn meta nzertajtha għaddejja bil-muturi u s-sireni. Ma tixirqilhiex, mhux f’postha, ħela u ma hemm ebda ħtieġa għaliha…
F’dawn il-mitt jum ammirajt lill-President għar-rispett ġenwin li għandha lejn l-Opożizzjoni speċjalment lejn Simon Busuttil bħala l-Kap tal-Oppożizzjoni. Nemmen ukoll li Marie Louise Coleiro Preca għad tagħmel differenza dwar kif ngħixu l-multi-kulturaliżmu f’pajjiżna.”