Bla tweġiba għall-ilment wara xahrejn u nofs

Mara li ma tħallitx titla’ fuq ajruplan tal-Air Malta għax ‘kien sar il-ħin’ għadha bla tweġiba għall-ilment li għamlet mal-customer care aktar minn xahrejn ilu. 

Lejn l-aħħar ta’ Novembru, il-mara ma tħallietx titla’ ajruplan għax il-ħin taċ-check-in kien għadda minkejja li kien għad hemm passiġġieri oħra fiċ-check-in area.

Hi lmentat dwar dan fl-24 ta’ Novembru u ġurnata wara, impjegat milll-customer care tal-Air Malta infurmaha li l-kumpanija kienet qed tevalwa l-ilment u li se tkun qed tirrispondiha kemm jista’ jkun malajr.

Għaddiet ġimgħa imma baqgħet bla tweġiba, allura bagħtet tfakkira dwar l-ilment tagħha. Kellha terġa’ tagħmel dan fis-7 ta’ Jannar u fis-26 ta’ Jannar 2014. Wara li għaddew xahrejn u nofs mill-ewwel ilment, il-passiġġiera għadha qed tistenna risposta. 

“Dan mhux il-mod kif il-kumpanija nazzjonali tal-ajru għandha tittratta lill-konsumaturi. Dan għax jafu li mxew ħażin miegħi jew għax qas ikkunsidraw x’jilmentaw dawk li għamlu użu mis-servizz tagħhom? Għax jekk dan hu l-każ, mhux ta’ b’xejn li aktar u aktar passiġġieri qed ifittxu prezzijiet aħjar ma’ kumpaniji li għandhom customer care aktar effiċjenti!” ilmentat din il-mara. 

F’kummenti ma’ din il-gazzetta, hi qalet li ’l bogħod minn jekk għandhiex raġun jew le, wara xahrejn u nofs ta’ stennija tinsab iddiżgustata minn kif ġiet trattata.

“L-aktar regola bażika ta’ kortesija titlob li almenu jkun hemm xi tip ta’ reazzjoni,” temmet tgħid din il-mara.

More in Kronaka