F’kummenti lil din il-gazzetta, Dimech qalet li t-teħid ta’ droga stimulanti kiber fil-popolarità fl-aħħar snin, anke għaliex żdiedet ukoll l-aċċessibilità u l-faċilità li biha wieħed jista’ jixtri d-droga.
“Illum il-ġurnata biex tixtri l-ecstasy qisek qed tixtri drink. Kemm għal mod faċli biex issibha kif ukoll għall-prezz affordabbli,” sostniet il-psikologa.
Hi żiedet tgħid li l-aktar fattur allarmanti hu li t-teħid tad-droga kważi sar xi ħaġa normali li ssir ta’ kull tmiem il-ġimgħa jew anke aktar drabi.
Id-droga stimulanti tgħaġġel is-sistema nervuża u twassal għal żieda fir-rata tal-qalb fost oħrajn. Dit-tip ta’ droga taffettwa l-perċezzjoni u l-alluċinazzjonijiet u ġġiegħel lil min jeħodha jħossu aktar fuq tiegħu u kunfidenti.
Droga oħra bħall-eroina naqset fil-popolarità, iżda Dimech qalet li dan ma jfissirx li t-teħid tal-eroina naqas. “Sempliċiment ma komplietx tispara ’l fuq ir-rata tat-teħid tagħha.”
Dimech enfasizzat li f’kull klassi tas-soċjetà hemm problemi li jistgħu jwasslu biex persuna tibda t-teħid tad-droga.
“Persuna aktar faċli li tersaq lejn id-droga jekk ikollha nuqqas ta’ edukazzjoni u stat soċjo-ekonomiku ta’ ċertu tip. Imma hemm fatturi oħra li jmorru lil hinn mill-klassi soċjali, fosthom jekk persuna ssibx nuqqas ta’ appoġġ id-dar, problemi ta’ mard mentali jew avvenimenti li jkunu ta’ trawma. Dawn kollha jagħmlu persuna aktar vulnerabbli.”
Mistoqsija jekk dawk li qed jieħdu d-droga hux qed jagħmlu dan f’età iżgħar minn dak kumparat mal-passat, Dimech spjegat li meta tikkompara s-sitwazzjoni preżenti ma’ dik ta’ għaxar jew ħmistax-il sena ilu, ir-realtà turi li ż-żgħażagħ qed jibdew aktar qabel. Dan anke għaliex l-aċċessibilità għad-droga żdiedet ukoll.
“Qed nara żgħażagħ li jaqgħu malajr għat-tentazzjoni tad-droga, it’s too much, too soon. Għandek żgħażagħ li jibdew ta’ 14-il sena, oħrajn ta’ 17, ma tistax tgħid meta.”
Hi ssuktat tgħid li mill-esperjenza tagħha, l-aktar żgħażagħ fir-riskju li jersqu lejn id-droga huma dawk li l-ġenituri tagħhom ma jagħtux kas ta’ x’inhuma jagħmlu wliedhom biżżejjed, fosthom li ma jkunux jafu wliedhom ma’ min qegħdin u fejn. Fatturi oħra komuni huma meta ż-żgħażagħ ikollhom ħafna flus f’idejhom minn età żgħira, u dawk li ma jkollhomx għanijiet speċifiċi f’ħajjithom.
Id-droga ma tikkonċernax iż-żgħażagħ biss. Hu fatt magħruf li persuni b’etajiet differenti, anke ta’ 40 u 60 sena, jagħmlu użu minn dawn is-sustanzi illeċiti.
Iżda Dimech, bħal bosta esperti oħra, ma taqbilx li d-dekriminalizzazzjoni tad-droga hi s-soluzzjoni.
Fost l-oħrajn, hi saħqet fuq il-bżonn li jkun hemm mod xjentifiku kif tiddetermina jekk ir-rijabilitazzjoni kinitx effettiva jew le fuq min kien jabbuża biha.
“Li persuna ma jintbagħatx il-ħabs mhux biżżejjed. Hemm min jgħidlek tihom il-libertà, imma jekk dawn qed iweġġgħu lilhom infushom u lis-soċjetà għandhom bżonn l-għajnuna. Trid tindirizza l-problema b’mod effiċjenti u mhux superfiċjali. Trid tevalwa jekk persuna rnexxietx mir-rijabilitazzjoni b’mod professjonali, u mhux fuq kemm qed jidher aħjar il-persuna konċernata,” temmet tgħid Dimech.