F’pajjiżna hawn mas-26 speċi ta’ klieb il-baħar
ILLUM tkellmet ma' Prof. Patrick J. Schembri, mid-Dipartiment tal-Bijoloġija fl-Università ta’ Malta, dwar dawn l-annimali marini
More in Kronaka
ILLUM tkellmet ma' Prof. Patrick J. Schembri, mid-Dipartiment tal-Bijoloġija fl-Università ta’ Malta, dwar dawn l-annimali marini
Din il-ġimgħa ġew ippubblikati filmati ta’ żewġt iklieb il-baħar li nqabdu f’Għawdex.
Il-klieb il-baħar ittellgħu f’Marsalforn u l-filmati wrew grupp ta’ rġiel itellgħu l-klieb il-baħar għal fuq ix-xatt; wieħed jidher qed jittella’ mill-baħar u l-ieħor mid-dgħajsa.
Dan l-avveniment qajjem diversi mistoqsijiet fost il-pubbliku. Min beda jistaqsi jekk das-sajf hux se niġu nvażati mill-klieb il-baħar, u min saħaq li dan kien biss avveniment ta’ darba.
Il-gazzetta ILLUM tkellmet mal-Professur Patrick J. Schembri li huwa lekċerer fid-Dipartiment tal-Bijoloġija fl-Università ta’ Malta.
Huwa fisser kif il-pubbliku m’għandux jallarma ruħu dwar il-possibbiltà ta’ xi żieda
fl-attakki mill-klieb il-baħar. “Ma hemm l-ebda indikazzjoni li kien hemm xi tibdil fis-sitwazzjoni minn kif ilha matul dawn l-aħħar għoxrin sena jew aktar.”
Il-professur Schembri qal li l-klieb il-baħar huma speċi protetta għaliex mhumiex daqshekk komuni fl-ibħra Maltin. Dan minħabba li jdumu biex jikbru, jgħaddu minn perjodu twil sabiex jilħqu l-maturità u ma jkollhomx ħafna wlied.
Barra minn hekk, il-klieb il-baħar huma vulnerabbli għall-isfruttament.
Mistoqsi kemm hu stmat li hawn speċi differenti ta’ klieb il-baħar f’pajjiżna, il-Professur Schembri qal li skont il-letteratura hawn madwar 37 speċi. Iżda s’issa hemm konfermati madwar 26 speċi.