Applikazzjonijiet biex binjiet eżistenti jinbidlu f’lukandi boutique
Ir-riġenerazzjoni tal-Belt Valletta
minn Frederick Attard
Kmieni din il-ġimgħa, waqt il-programm Reporter fuq TVM ippreżentat minn Saviour Balzan, il-Ministru tat-Turiżmu Edward Zammit Lewis ħabbar li preżentament hemm numru ta’ applikazzjonijiet biex binjiet eżistenti fil-Belt Valletta jinbidlu f’lukandi żgħar ta’ kwalità, magħrufa aħjar fis-settur turistiku bħala Boutique Hotels.
Dawn il-lukandi, li diġà jeżistu ħafna bħalhom f’diversi bliet Ewropej, jattiraw niċeċ partikolari ta’ turisti li jkunu interessati fl-istorja u l-kultura tal-pajjiż aktar milli l-baħar u x-xemx li joffri pajjiżna. Ġeneralment, dan it-tip ta’ turiżmu hu popolari matul is-sena kollha u għalhekk jikkumplimenta sew mal-objettiv tal-awtorità Maltija tat-Turiżmu, dik li jiżdiedu t-turisti f’pajjiżna fix-xhur li normalment huma meqjusa bħala staġun kwiet.
ILLUM tkellmet aktar fid-dettall mal-Ministru Zammit Lewis, fejn staqsejnieh kif jara dan l-iżvilupp fil-Belt Valletta.
“Malta, għal dawn l-aħħar snin, qed tesperjenza tkabbir fis-settur tal-lukandi boutique fi ħdan l-industrija tal-ospitalità u li dan l-istess tkabbir huwa fenomenu globali. Din in-niċċa qed tattira interess kbir f’pajjiżna, li b’kunċett ta’ wirt kulturali, bla dubju huwa wieħed mill-aktar popolari u ta’ suċċess” qal Zammit Lewis.
Hu semma kif qed naraw li s-settur turistiku qed jieħu xejra differenti u li l-vjaġġaturi jridu jesperjenzaw il-kultura tal-lokalità u xi affarijiet uniċi tal-pajjiż. Dan iwassal li l-viżitaturi qed jiġu attirati għall-propjetajiet iżgħar fuq l-istess stil tal-lukandi boutique.
“Riċentament rajna żieda fl-interess minn investituri li jfittxu li jixtru proprjetà fil-Belt Valletta u lokalitajiet oħra biex jikkonvertuha f’akkomodazzjoni turistika jew aħjar f’boutique hotels. Din hija xejra b’konformità mal-Politika tat-Turiżmu tal-Gvern, li tattira lejn il-gżejjer tagħna niċeċ ta’ turisti differenti. F’dan ir-rigward Malta għandha lok li żżid it-turisti fis-shoulder months, ix-xhur batuti fit-turiżmu. Id-dħul finanzjajru minn dan is-settur huwa kruċjali u r-ristrutturar ta’ dawn il-propjetajiet fil-Belt Valletta jkomplu jtejbu l-kwalità tal-prodott turistiku tagħna” qal il-Ministru.
Tkellem ukoll dwar il-fatt li l-Belt Valletta se tkun il-kapitali Ewropea tal-kultura fl-2018 u li dan huwa ta’ inċentiv sabiex inkomplu nagħtu l-ħajja lill-belt kapitali ta’ Malta li għandha wirt storiku kbir. Spjega li r-ristrutturar u t-tisbiħ ta’ propjetà fil-Belt f’boutique hotels huma parti minn katina sħiħa ta’ proġetti ta’ riġenerazzjoni.
“Ta’ min jinnota li ż-żieda fl-infiq u l-investiment li qed isir mill-Gvern fil-belt kapitali u inizjattivi bħal V18 qed iwasslu biex din il-lokalità tkun iktar attraenti u mfittxija mhux biss mill-Maltin iżda wkoll mit-turisti li jżuru lil xtutna. Dan l-iżvilupp ċertament li se jgħin biex ikollna firxa ġeografika aħjar tat-turiżmu tagħna li minnu jibbenefika ekonomikament kulħadd. Apparti minn hekk, dan se jwassal biex il-Belt Valletta ssir bħal bliet importanti oħra Ewropej destinazzjoni għal city breaks li tattira turiżmu ta’ kwalità u tkun belt b’potenzjal kulturali kbir” temm jgħid Zammit Lewis.
Tkellimna wkoll mad-Deputat Nazzjonalista u kelliem għat-turiżmu Robert Arrigo fejn qal li l-fenomenu ta’ boutique hotels fil-Belt Valletta huwa żvilupp pożittiv. “Hemm numru t’applikazzjonijiet diġà u dan ifisser investiment kbir għall-belt tagħna” qal Arrigo.
Qal ukoll li dan l-iżvilupp ifisser li bosta postijiet li, uħud minnhom ilhom mitluqin, jerġgħu jieħdu r-ruħ u minflok żdingar se jkollna faċċata u propjetà miżmuma sew f’belt li minnha nfisha hi belt storika u li t-turisti dejjem jaffaxxinaw ruħhom biha. “Se npoġġu fuq is-suq turistiku prodott aħjar u uniku. B’hekk se nkunu f’qagħda ferm aħjar biex nattiraw klijenti ta’ kwalità u li jonfqu iżjed. Dan kollu jista’ jixpruna lill-gvern sabiex jagħti mbuttatura tajba fuq il-prodott Malti” saħaq Arrigo.
Hu insista li l-prodott tal-madwar, irid jilħaq il-kwalità li se jkun hemm ġo dawn it-tip ta’ lukandi. “Il-Belt Valletta hija unika u b’għaqal u ħsieb nistgħu nkomplu ntejbu kemm il-prodott Valletta u kemm il-prodott Malta” temm jgħid Robert Arrigo.