L-Iskarpata ta’ Malta hu rdum taħt l-ilma li jestendi 250 kilometru u f’xi postijiet dan jilħaq għoli ta’ 3.5 kilometru (li hu ogħla mill-Vulkan Etna).
Dan it-tim se jkun immexxi minn Dr Aaron Micallef mid-Dipartiment tal-Fiżika fl-Università ta’ Malta u l-fondi ġejjin kollha mill-Fondi Ewropej bħala riċerkaturi ta’ Marie Curie.
Tkellimna ma’ Dr Aaron Micallef li qalilna li dan il-fenomenu għandu madwar 60 miljun sena u hu l-akbar wieħed tan-natura tiegħu fid-dinja.
“Kien diġà sar studju sentejn ilu fejn studjajna l-aktar parti baxxa ta’ dawn l-irdumijiet u studjajna madwar 70 valanga,” qalilna Dr Micallef, “minħabba l-widien kbar ta’ tajn li hemm f’dawn l-irdumijiet jagħmilha aktar diffiċli biex ikollok id-dettalji eżatti. Għalhekk issa għandna tagħmir aktar avvanzat u għandna sistema sonari li tista’ tagħmel mapep 3D. Se nużaw ukoll speċi ta’ katusa kbira li minnha se niġbru kampjuni ta’ tajn u ramel u se nibqgħu neżlin sa 4,000 metru. Se jkollna aktar mappa dettaljata ta’ dawn l-irdumijiet u jkollna l-istampa kollha.
“Dan l-istudju kollu għandu jagħti riżultati importanti biex mill-passat nitgħallmu x’jista’ jiġri fil-futur. Irridu naraw aktar valangi għax dawn jistgħu jikkawżaw tsunami. Naraw ir-rekords ta’ terremoti kbar li saru fil-passat u kemm-il darba ġraw u nkunu nistgħu nqabblu t-tibdil ambjentali tal-lum ma’ miljuni ta’ snin ilu” temm Dr Micallef.
B’din l-ispedizzjoni jkun aktar faċli għal ġeologi biex tinħadem statistika u wieħed jipprova jilqa’ għal xi tip ta’ diżastru naturali li jista’ jkun hemm minn żmien għal żmien.
Min hu interessat f’din l-ispedizzjoni jista’ jsegwi l-attivitajiet abbord il-bastiment fuq is-sit tal-vjaġġ (cumecs2.blogspot.com) u l-paġna ta’ Facebook (www.facebook.com/cumecs2)