Mixgħela quddiem id-dar ta’ Cremona

Il-Kurja qed tipprova tissaħħaħ mal-Lajċi

Id-diżgwid fil-kurja kompla jiżdied matul dawn il-jumejn hekk kif żewġ qassisin qrib ħafna tal-Arċisqof Pawlu Cremona minn jeddhom organizzaw mixgħela bix-xemgħa quddiem id-dar tal-Arċisqof f’Ħ’Attard.

Numru ta’ qassisin esprimew pubblikament fuq mezzi soċjali li filwaqt li għandhom rispett assolut lejn l-Arċisqof, ma jaqblu xejn ma’ din l-attività u saħansitra talbu lill-Mons Charles Tabone sabiex iwaqqaf immedjatament din l-attività li fl-opinjoni tagħhom se twassal għal iktar ħsara milli ġid.

L-attività mistennija ssir nhar l-Erbgħa 3 ta’ Settembru u minn informazzjoni li waslet għand din il-gazzetta, jidher li dawn iż-żewġ qassisin saħansitra taw struzzjonijiet lill-għaqdiet reliġjużi sabiex iħassru kwalunkwe attività li kellhom u minflok imorru bix-xemgħa quddiem id-dar tal-Arċisqof Cremona u juru l-appoġġ u l-fedeltà tagħhom lejn it-tmexxija tiegħu.

B’reazzjoni għall-kritika tal-Kleru fuq it-tmexxija 

Matul il-ġimgħa li għaddiet komplew il-kummenti dwar it-tmexxija tal-Knisja, kummenti li qed ikomplu juru l-qasma li teżisti bejn dawk li jemmnu li hemm problema fit-tmexxija tal-Arċisqof Pawlu Cremona u oħrajn li jemmnu li għandu jżomm postu.

L-aħħar diżgwid kompla matul l-aħħar jiem hekk kif membri tal-Kleru rċevew messaġġi biex imorru jipparteċipaw f’mixgħela li se ssir quddiem id-dar tal-Arċisqof Cremona.

Jidher li din il-mossa ma niżlet xejn tajjeb u ammont imdaqqas ta’ qassisin urew id-diżapprovazzjoni tagħhom u nuqqas ta’ interess li jipparteċipaw f’din l-attività. In-nuqqas ta’ parteċipazzjoni min-naħa tal-Kleru issa se jkun ikkumpensat bil-lajċi u reliġjużi.

Sorsi li tkellmu ma’ din il-gazzetta qalulna li din se tkun it-tattika li jmiss min-naħa tat-tmexxija tal-Kurja wara li numru kbir ta’ qassisin qed jikkonfermaw il-fedeltà tagħhom lejn l-Arċisqof filwaqt li mhux qed joqogħdu lura milli jikkritikaw it-tmexxija ta’ dawk madwar Cremona. 

Membri lajċi u għaqdiet neokatekomunali qed iżidu l-preżenza tagħhom fid-dawl tad-diżgwid li għaddej bħalissa tant li anke waqqfu petizzjoni online biex jinġabru firem ta’ appoġġ lejn l-Arċisqof Cremona – mossa li qed tkompli turi l-qasma li teżisti fi ħdan il-Knisja Maltija.

Intant is-sejħa tal-qassisin biex din l-attività tkun irtirata jidher li s’issa ma ntlaqgħetx u l-preparamenti għadhom għaddejjin.

More in Kronaka