Grupp ta’ madwar mitt immigrant irregolari minn fost il-257 li waslu Malta nhar il-Ħamis li għadda tpoġġew fl-eks Ċentru tal-Fieri fin-Naxxar bħala parti mill-politika li qed jaddotta l-Gvern li permezz tagħha t-tfal ma jitpoġġewx f’ċentri ta’ detenzjoni.
Jirriżulta li mal-wasla tagħhom f’Malta l-immigranti kellhom problema mal-awtoritajiet fejn irrifjutaw li jsirulhom testijiet mediċi kif inhi l-prassi f’każijiet simili.
Intant matul il-jum tal-bieraħ, dawn l-immigranti wettqu protesta, li matulha nfexxew jgħajtu ‘Freedom Freedom’ u anke ‘Thank you Malta’.
Matul il-protesta marru fuq il-post l-ogħla uffiċjali tal-korp tal-Pulizija inkluż l-Aġent Kummissarju Ray Zammit kif ukoll uffiċjali tar-Rapid Intervention Unit. Kien hemm ukoll żewġ ambulanzi li ħadu wħud mill-immigranti l-isptar kif ukoll numru oħra kienu assistiti minn tobba u assistenti mediċi.
Kelliema għall-Ministeru tal-Intern qalet lill-ġurnalisti li dawn l-immigranti tpoġġew f’dan il-post minħabba li fosthom hemm it-tfal. Jidher li l-awtoritajiet offrew ukoll lill-immigranti biex jitpoġġew f’Lister Centre iżda dawn irrifjutaw.
Din kienet l-ewwel darba li l-immigranti tpoġġew fin-Naxxar u l-kelliem tal-Ministeru għall-Intern la ċaħdet u lanqas ikkonfermat jekk dan il-post hux se jibda jintuża għal dan l-iskop.