“Il-Libja jaf issir Iraq ieħor wara biebna” – George Vella

Fost is-suġġetti diskussa fil-laqgħat mal-Ministri tal-Affarijiet Barranin Ewropej kien hemm il-paċi u l-kriżijiet fl-Ukrajna, is-Sirja, l-Iraq u l-Libja

Il-Ministru tal-Affarijiet Barranin, George Vella
Il-Ministru tal-Affarijiet Barranin, George Vella

Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin George Vella, għadu kemm temm jumejn ta’ laqgħat f’Milan. Hu kien qiegħed jattendi flimkien mal-Ministri għall-Affarijiet Barranin l-oħra tal-Unjoni Ewropea għal-laqgħa informali taħt il-Presidenza Taljana tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

Kif kien mistenni s-suġġetti diskussi kienu dawk li bħalissa qegħdin jolqtu u jinkwetaw l-aktar lill-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea, fosthom il-kriżi fl-Ukrajna, is-Sirja, l-Iraq, il-Libja u l-proċess għall-Paċi fil-Lvant Nofsani. 

Fl-interventi li għamel il-Ministru Vella saħaq li jekk ma konniex se nagħtu l-attenzjoni meħtieġa b’mod urġenti kien hemm il-periklu li l-Libja ssir Iraq ieħor wara biebna. Huwa spjega fid-dettal il-kumplessità tas-sitwazzjoni, it-tibdil kontinwu li għaddej, u l-iżvolti li tista’ tieħu sitwazzjoni daqshekk delikata.

Vella wissa kontra ndħil militari, u saħaq li xogħolna huwa li ngħinu lil-Libja ssolvi l-problemi. Il-Ministru Vella qal li rridu nisimgħu lil kulħadd u ma nagħlqu l-bieb f’wiċċ ħadd. Huwa rrakkomanda li nagħtu l-għajnuna teknika, umanitarja u politika kollha possibbli, inżommu djalogu miftuħ ma’ kull fazzjoni li hemm fil-Libja, ngħinu biex jiġi kkontrollat it-tixrid tal-armi u l-munizzjon, kif ukoll idealment naħdmu biex titwaqqaf Kummissjoni Internazzjonali għal Rikonċiljazzjoni Nazzjonali.

Il-Ministru qal li bħalissa aħna nikkunsidraw il-Gvern ta’ Tobruk bħala dak leġittimu imma lesti li nitkellmu ma’ kulħadd. Żied jgħid ukoll li pajjiżna qiegħed jieħu sehem fil-laqgħa tal-mibgħuta speċjali li qegħdin jiġu kkordinati mar-rappreżentant speċjali tal-Ġnus Magħquda Bernardino Leon.

Meta tkellem dwar Lvant Nofsani l-Ministru Vella faħħar il-waqfien mill-ġlied li kien innegozjat mill-Eġittu u esprima t-tama li jekk dan il-waqfien iżomm għal xahar, jibdew diskussjonijiet sostanzjali dwar il-proċess, li jwassal għall-paċi.

Il-Ministru qal li jemmen li s-sitwazzjoni umanitarja f’Gaza hija tal-biża’ u li Iżrael filwaqt li kellu d-dritt kollu jiddefendi ruħu seta’ laħaq l-għanijiet tiegħu b’anqas forza, ħerba u mwiet.

Punt importanti li għamel il-Ministru huwa li matul il-waqfien mill-ġlied irid ikun hemm sorvelja serja ta’ dak li jkun dieħel u ħiereġ, u esprima x-xewqa li jitnaqqas l-istat ta’ assedju li n-nies ta’ Gaza ilhom isofru għal snin twal.

More in Kronaka