Biċċa art żgħira tal-gvern li tinsab fi Triq l-Indipendenza f’Ħaż-Zebbuġ u f’żona kompletament residenzjali, spiċċat tintuża minn xi individwi bħala miżbla tant li l-ħmieġ li ntefa’ fiha wassal anke għal infestazzjoni ta’ ġrieden fl-inħawi b’periklu għal saħħet ir-residenti tal-madwar.
Jidher li dan iż-żibel qed jintefa’ fl-art mitluqa peress li din tħalliet miftuħa għax kull m’hemm hu ċint baxx mal-bankina magħmul minn kantun tal-ġebel.
Ir-residenti ppruvaw jagħmlu diversi kuntatti mal-awtoritajiet konċernati sabiex jinbena ħajt għoli li jagħlaq l-aċċess għal din l-art iżda jidher li s’issa l-ilmenti ta’ dawn ir-residenti ma wasslu mkien biex tittieħed azzjoni immedjata.
Din il-gazzetta għandha f’idejha kopja ta’ imejls li ntbagħtu mir-residenti lill-Awtorità tad-Djar li min-naħa tagħhom wieġbu li l-każ se jgħaddi f’idejn l-uffiċjal tal-infurzar sabiex jinvestiga l-każ. F’imejl oħra, l-Awtorità infurmat lir-residenti li se jinħareġ appalt sabiex l-art ikkonċernata titnaddaf u jinbena ħajt li jagħlaq l-aċċess.
L-ilment tar-residenti jibqa’ għall-fatt li l-proċess tal-appalti jieħu wisq fit-tul meta kull m’hemm bżonn hu ta’ tindifa u kemm jittella’ ħajt sabiex l-art tingħalaq.