Il-kapijiet tal-iskejjel ma jaċċettawx li jaslu 5 minuti tard

It-tħassib tal-għalliema Għawdxin li jaħdmu Malta

“Il-Ministeru m’għandux riżorsi biex jaqdina”
“Il-Ministeru m’għandux riżorsi biex jaqdina”

Hekk kif tliet ġimgħat oħra tibda s-sena skolastika l-għalliema Għawdxin qed jerġgħu jħabbtu wiċċhom mal-problema ta’ varjazzjoni fil-ħinijiet tal-iskejjel f’Malta. Il-problema tirrigwarda t-trasport li dawn l-għalliema jużaw biex jinżlu Malta permezz ta’ vannijiet sabiex jilħqu l-vapur.

Preżentament hemm skejjel li l-ħinijiet tagħhom huma bejn it-7.50am sas-2.20pm u oħrajn bejn it-8.30am sat-2.50pm. Dan ifisser li l-għalliema Għawdxin ma jistgħux jingħaqdu flimkien biex jimlew minibus sabiex iwassalhom l-Imġarr u li jiswielhom bejn €12 u €15 fil-ġimgħa kull wieħed.

Għalliema Għawdxin li tkellmu ma’ din il-gazzetta qalu li l-fatt li l-ħinijiet tal-iskejjel huma varjati, jfisser li wħud minnhom ma jistgħux jużaw is-servizz tal-minibuses flimkien u b’hekk se jkollhom jidħlu għall-ispiża mhux irħisa biex jużaw vannijiet oħra. Dan jaffettwa ħażin lil dawk l-għalliema li l-iskejjel tagħhom jibdew fit-8.30am.

“Hemm għażla oħra li tal-inqas sal-iskola ninżlu mal-vapur tas-7.30am u b’hekk ikollna minibus li jiswielna €10 fil-ġimgħa one way, imbagħad lura la nispiċċaw f’ħinijiet differenti ninżlu bit-trasport pubbliku li jiswielna €6.50 oħra fil-ġimgħa” qal wieħed mill-għalliema li ma xtaqx juri ismu minħabba biża’ li jaqla’ xi transfer.

Spjegaw li ma’ dawn l-ispejjeż iridu jħallsu wkoll €5.75 fil-ġimgħa noll tal-vapur u b’hekk ikunu ħallsu €22.25 fil-ġimgħa. L-ammont totali ta’ dan kollu hu ta’ €356 kull erba’ xhur meta l-għalliema Għawdxin huma rifonduti mill-gvern is-somma ta’ €80 kull erba’ xhur għall-ispejjeż ta’ trasport.

“Dan kollu jista’ jittranġa u ma nbatux jekk il-kapijiet jagħtuna konċessjoni li naslu ħames minuti tard u ma ntellfu xejn mit-tagħlim tat-tfal għax dak il-ħin inkunu għadna fl-assembly. Aħna ma rridux immorru tard tant li anke tlabna lil Ministeru tal-Edukazzjoni biex jipprovdilna trasport li nħallsu għalih b’madwar €10 fil-ġimgħa, iżda dan weġibna li jista’ joħloq preċedent u fl-istess ħin m’għandux mezzi ta’ trasport biex jaqdina” qalu l-għalliema.

Ta’ min isemmi li kuljum hemm madwar 1,000 bejn għalliema u LSAs Għawdxin li jaqsmu lejn Malta. Sadattant l-MUT qalet li l-unjin tifhem il-problemi li jridu jaffaċċjaw l-għalliema Għawdxin iżda min-naħa tagħha ma tistax timponi li ma jiġux infurzati l-ħinijiet.

Madankollu, trid tinsab soluzzjoni għal din is-sitwazzjoni, u min-naħa tal-unjin se jsiru taħdidiet mal-Ministeru konċernat fil-jiem li ġejjin.

More in Kronaka