Wara li tard il-Ġimgħa tħassret il-protesta li kellha ssir kontra l-immigrazzjoni illegali, kmieni lbieraħ filgħodu grupp ta’ madwar 80 ruħ ħadu sehem f’mixja mill-Floriana sa Kastilja. Dawk preżenti insistew li din ma kinitx protesta iżda mixja bi bnadar Maltin u bnadar bojod bis-salib tal-Kavallieri. Hekk kif waslu quddiem Kastilja, wieħed mill-miġemgħa qal f’kelmtejn li japprezza ħafna lil dawk in-nies li ngħaqdu għall-mixja u ddeskrivihom bħala “vera Maltin.” Lejn it-tmiem huma nstemgħu jkantaw l-Innu Malti. Intant fuq Facebook komplew għaddejjin diversi kummenti dwar il-protesta li kellha ssir b’uħud jikkummentaw għall-fatt li din ġiet ikkanċellata mill-istess organizzaturi.