Il-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca flimkien mal-Ministru għall-Enerġija u s-Saħħa Konrad Mizzi u l-Kummissarju Għoli Malti għar-Renju Unit Norman Hamilton kellu laqgħa mad-diretturi ta’ Barts Hospital f’Londra.
Skont il-paġna uffiċjali tal-President fuq Facebook, il-laqgħa kienet ta’ importanza kbira u li b’ħidma kontinwa Malta se tibbenefika min-negozjati li qed isiru f’Londra.
Iktar kmieni din is-sena kien imħabbar li ntlaħaq qbil bejn il-Ministru tas-Saħħa u Università Queen Mary f’Londra għall-ftuħ ta’ skola medika f’pajjiżna.
Dan il-ftehim iwassal għal ftuħ ta’ kampus ta’ Barts u ta’ The London School of Medicine.
F’din iż-żjara tagħha Coleiro Preca ltaqgħet ukoll ma’ mijiet ta’ Maltin li jgħixu l-Ingilterra. Dawn attendew bi ħġarhom għal Malta Day-UK, attività organizzata mill-komunità Maltija f’Londra. Coleiro Preca indirizzat kongregazzjoni ta’ Maltin li nġabret għal quddiesa fil-Katidral ta’ Westminster. Wara l-quddiesa, kkonċelebrata mill-Kardinal Malti Prospero Grech, il-President stiednet lil Maltin biex iżuru Malta għall-attivitajiet bil-familji fil-Palazz tal-President.