Il-Prinċep wasal abbord titjira tal-Air Malta fejn ftit wara l-wasla tiegħu f’Malta mar il-Palazz tal-President f’San Anton fejn iltaqa’ mal-President ta’ Malta, Marie Louise Coleiro Preca li min-naħa tagħha tat merħba lill-Prinċep William f’isem il-Maltin kollha u tenniet ix-xewqa tagħha li hu jkun jista’ jgawdi lill-pajjiżna u l-klima tiegħu fil-mawra qasira li għandu f’pajjiżna.
Waqt il-laqgħa Coleiro Preca tkellmet ukoll dwar ir-relazzjoni tajba bejn iż-żewġ pajjiżi u dwar il-mawra li għadha kif temmet ġewwa l-Ingilterra.
Min-naħa tiegħu l-Prinċep stqarr li jinsab kuntent li qiegħed f’pajjiżna għal dan l-anniversarju tant importanti għall-istorja ta’ pajjiżna. Fi tmiem il-laqgħa l-Prinċep ħawwel ukoll siġra biex timmarka din l-okkażjoni fil-ġnien ta’ San Anton.
Aktar tard il-Prinċep kompla bl-impenji tiegħu hekk kif skorta tal-Pulizija waslitu fil-Belt Valletta, fejn jistennewh fuq it-taraġ ta’ Kastilja kien hemm il-Prim Ministru Joseph Muscat flimkien ma’ martu Michelle u ż-żewġ uliedu.
Wara l-laqgħa f’Kastilja huwa mar fi Pjazza San Ġorġ il-Belt fejn assista għall-In Guardia, wara huma marru fil-Librerija Nazzjonali fejn, hu u sejjer bil-pass waqaf ukoll jitkellem ma’ xi nies preżenti fejn kien hemm min tah xi tifkiriet żgħar inkluża ċappetta li libes dak il-ħin stess.