“Il-Knisja għandha tersaq viċin il-poplu” – President KDŻ

David Callaby Floridia jinħatar bħala l-President tal-KDŻ

David Callaby Floridia
David Callaby Floridia

David Callaby Floridia hu l-president il-ġdid tal-Kummissjoni Djoċesana Żgħażagħ (KDŻ) wara li ħa post Anthony Mifsud li kien ilu jmexxi l-kummissjoni għal dawn l-aħħar ħames snin.

Fl-ewwel kummenti tiegħu li ta lil dan il-ġurnal esklussivament qalilna li l-Knisja, issa aktar minn qatt qabel, għandha tersaq viċin tal-poplu. “Il-Knisja trid timxi mal-poplu u toffri kulma għandha biex tkun sinjal ta’ dawl u melħ għal din id-dinja. Trid tkun preparata biex tasal safejn hemm bżonn bil-ħidma tagħha basta xxandar il-vanġelu lil kull min jinsab fid-dlam skont il-viżjoni tal-Papa Franġisku.” 

David twieled Paceville 34 sena ilu u miżżewweġ lil Ana. Irċieva l-edukazzjoni tiegħu fil-kulleġġ Stella Maris, il-Gżira u ggradwa fil-qasam tal-Ħidma Soċjali. Kompla l-istudji tiegħu fil-livell ta’ Masters fil-Youth Ministry. Fil-preżent hu lecturer l-MCAST u jgħallem żgħażagħ b’abbiltajiet differenti.

David li anke kellu esperjenzi ta’ volontarjat f’Malta u anke barra l-pajjiż qalilna hekk dwar il-ħidma tal-KDŻ. “Qed nippruvaw kemm jista’ jkun li jkollna Knisja żagħżugħa u għaż-żgħażagħ fejn l-għan tagħna hu li jkollna Knisja li tilħaq lil kulħadd. Kemm lil dawk diġà impenjati f’diversi gruppi biex insaħħuhom u għal dawk li għadhom ma sabux għaqda fejn jistgħu jaqsmu l-fidi tagħhom biex ikun jista’ jasal il-vanġelu permezz tax-xhieda ta’ dawk li diġà esperjenzawha. Kif ukoll ma’ żgħażagħ li huma ’l bogħod mill-Knisja.

“Din il-ħidma għandha tinbena fuq il-prinċipji ta’ relazzjoni, formazzjoni, studju u appoġġ fil-qasam tad-dixxipulat tal-adoloxxenti u ż-żgħażagħ. Il-Knisja hi mibnija mill-esperjenza ta’ kull wieħed u waħda minna. Importanti li nobdu l-awtoritajiet u li nimxu bħala għaqda ta’ nies li jemmnu li Ġesù hu t-triq, il-verità u l-ħajja.”

More in Kronaka