Il-karozza “tan-nar” lura f’Għawdex

Il-karozza tal-marka Siddeley hija l-ewwel karozza li ġiet irreġistrata f'Malta

Il-karozza
Il-karozza "tan-nar"

Il-Ministru għal Għawdex Anton Refalo laqa’ bi pjaċir l-ewwel karozza li qatt ġiet irreġistrata f’Malta. Fil-fatt għandha n-numru tar-reġistrazzjoni Numru 1. Din il-karozza kienet ukoll l-ewwel karozza li qatt instaqet fit-toroq Għawdxin. Hija tal-marka Siddeley.

Il-karozza ġiet irreġistrata fil-1904. Mhux magħruf x’sar mill-karozza bejn il-1904 u l-1907. Dwar dawn is-snin għadha qiegħda ssir ir-riċerka. Ir-riżultat għandu jkun ferm interessanti għad-dilettanti tal-karozzi antiki.

Li hu magħruf hu li din il-karozza sabet ruħha f’Għawdex fil-1907. L-Għawdxin tant beżgħu minnha li bdew isejħulha “l-karozza tan-nar”. Eventwalment il-karozza ma baqgħetx tinstaq u sabet ruħha abbandunata ġewwa mitħna għal madwar 60 sena sakemm instabet minn David Arrigo u Brian Mizzi fil-1968.

Din is-sejba kienet meqjusa bħala waħda formidabbli. Għalkemm kienet fi stat ħażin ħafna, il-vettura nstabet sħiħa u dan għen fir-restawr tagħha. Il-Ministru Refalo rringrazzja lil David Arrigo li wara 110 sena l-Għawdxin ingħataw l-opportunità li jaraw din il-karozza fl-istat oriġinali tagħha. Il-Ministru semma kif il-karozza Siddeley 1904 għandu jkollha post speċjali fil-qalb tal-Għawdxin minħabba li Siddeley 1904 hija parti mill-istorja ta’ Għawdex. 

More in Kronaka