Raġel jitlef ħajtu fiż-Żejtun

Charles Fenech ta' 48 sena miż-Żejtun jitlef ħajtu f'razzett

Charles Fenech ta’ 48 sena residenti ż-Żejtun tilef ħajtu kmieni lbieraħ filgħodu waqt li kien qiegħed jagħmel xi xogħol f’razzett fi Triq Ħal Tarxien, iż-Żejtun.

Mill-ewwel investigazzjonijiet jidher li għall-ħabta tad-9.30am, waqt li Fenech kien fl-imsemmi post jagħmel xi xogħol ta’ kostruzzjoni ma’ ħamest irġiel oħra, allegatament ċeda ħajt jew xi planki u safa mirdum.

Fuq il-post issejħu membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili kif ukoll tim mediku mill-Isptar Mater Dei. Sfortunatament, kawża tal-ġrieħi li ġarrab Fenech tilef ħajtu u ġie ċċertifikat mejjet fuq il-post. 

Wieħed mill-irġiel kien ħuh, Raymond Fenech li għandu 41 sena u residenti ż-Żejtun. Dan ittieħed l-Isptar sabiex jingħata kura għal ġrieħi li ġarrab.

Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Doreen Clarke li ħatret diversi esperti sabiex jassistuha fl-inkjesta li appuntat.

Il-Pulizija għadha għaddejja bl-investigazzjonijiet.

More in Kronaka