Il-qattiel seta’ nqatel f’każ separat
Qtil b’vendetta f’Ħal Lija fl-1987
minn John Pisani
Lejn l-aħħar tas-sena 2012 sax-xahar li għadda kien hawn sensiela ta’ qtil, li wkoll għadhom mhux solvuti, li jidhru li saru bħala vendetta fejn għal xi raġuni jew oħra l-vittmi kellhom konnessjoni bejniethom għalkemm il-Pulizija qatt ma kkonfermaw dan ħlief għal xi każ jew tnejn.
Każ ieħor li seħħ aktar minn 27 sena ilu u li kellu wkoll kull element ta’ vendetta, huwa dak tal-qtil ta’ Charles Fenech li kellu 36 sena minn Ħ’Attard.
Mhux eskluż li min qatel lil Fenech seta’ spiċċa maqtul huwa wkoll f’każ separat li seħħ madwar sitt snin wara.
Jinstemgħu tiri ta’ arma tan-nar
L-inħawi fejn seħħ dan il-qtil minn dejjem kienu kwieti, fejn anke llum il-ġurnata l-kwiet għadu jirrenja b’mod speċjali filgħaxija. It-triq hija waħda dejqa u djar ftit kien hemm.
Kien għall-ħabta tat-7.40pm tal-Ġimgħa, 30 ta’ Jannar 1987, li mara li kienet toqgħod qrib il-Kappella tal-Mirakli, f’Ħal Lija, semgħet tiri ta’ senter ivenvnu fil-ħemda ta’ lejla xitwija.
Meta ħarġet mid-dar tagħha biex tara x’kien dak il-ħoss li semgħet, il-mara ħadet xokk hekk kif rat raġel mitluq fl-art u taħt rasu kien hemm għadira demm. Hija kienet pronta u ċemplet lill-Pulizija minkejja x-xokk qawwi li kellha fuqha.
Il-vittma ġie indentifikat bħala Charles Fenech, bejjiegħ tal-laħam li nqatel barra garaxx li kellu ftit metri ’l bogħod mill-Kappella tal-Mirakli f’Ħal Lija.
Ftit tal-ħin wara wasal tabib li ċċertifika lil Fenech mejjet fejn anke bdew jaslu diversi Pulizija fosthom dawk tad-Distrett kif ukoll mid-Dipartiment tal-Investigazzjonijiet Kriminali. Fost l-uffiċjali li bdew jinvestigaw il-każ kien hemm is-Supretendent Joseph Psaila, l-Ispetturi Raymond Vella Gregory u Anthony Borg Caruana, li dak iż-żmien kienu mad-Dipartiment tal-Investigazzjonijiet Kriminali, u s-Supretendent Nicholas Cutajar u l-Ispettur Antoine Casha, illum Assistent Kummissarju, li kienu uffiċjali mid-Distrett ta’ Birkirkara.
Il-Pulizija għalqu kull aċċess fl-inħawi fejn seħħ il-qtil biex ix-xena tar-reat tkun priservata.
Element ta’ vendetta
Mill-investigazzjonijiet li kienu għamlu l-Pulizija, irriżulta li Fenech kien għadu kif wasal fuq il-post bil-mutur tiegħu fejn kellu garaxx li fih kien iqatta’ ftit ħin jirranġa l-karozzi. Il-qattiel x’aktarx li kien qed jistennih u ma kienx eskluż li Fenech kien jaf sew lill-qattiel u għalfejn kien mar hemm.
“Dan il-qtil kellu l-elementi kollha ta’ vendetta li instiga vjolenza fiżika. Min qatel lil Charles Fenech mhux biss ried jeħles minnu darba għal dejjem, imma wara li sparalu anke għafas il-kanna tas-senter ma’ wiċċ Fenech. Din turi l-vjolenza li ried iwettaq il-qattiel fuq il-vittma tiegħu,” qalli l-eks-Spettur John C. Ellul li għal snin twal mhux biss kien jagħmel parti mit-Taqsima Forensika tal-Pulizija imma wkoll irtira mill-Korp meta kien spettur fl-istess taqsima.
“L-aggressur spara tir f’sider Fenech u ieħor f’wiċċu. B’dan it-tir nofs wiċċ il-vittma nfetaħ ktieb”
Sorsi oħrajn qaluli li l-investigaturi jemmnu li l-qattiel stenna lil Fenech jidħol fil-garaxx biex ma jwettaqx dak li mar biex jagħmel barra fit-triq. Lanqas ried li joqtol lil Fenech, imma ried li l-vittma jkun jaf x’kien se jiffaċċja.
Ftit tal-ħin wara li Fenech kien fil-garaxx bil-bieb magħluq, sema’ taħbita fuq il-bieb u kif mar biex jiftaħ sab raġel armat b’senter. Minnufih iż-żewġt irġiel bdew jargumentaw, imma filwaqt li wieħed kien armat, Fenech kien maħsud u ma kellu xejn biex jiddefendi lilu nnifsu.
Wara li l-argument saħan sew, il-qattiel agredixxa lil Fenech bl-istess arma tant li fuq ras il-kadavru kienu nstabu ġrieħi kompatibbli ma’ daqqiet b’oġġett iebes. Kif kienu qrib ta’ xulxin l-aggressur spara tir f’sider Fenech u ieħor f’wiċċu. B’dan it-tir nofs wiċċ il-vittma nfetaħ ktieb.
Kif il-kanna tas-senter kienet għadha taħraq wara li kienu sparati żewġ tiri, il-qattiel poġġa l-arma fuq in-naħa l-oħra ta’ wiċċ Fenech b’konsegwenza li ħaraqlu l-kumplament ta’ wiċċu.
Dan kollu seħħ fi ftit minuti tant li ħadd mill-ġirien ma sema’ xejn ħlief għall-isparaturi. Iżda sa dak il-ħin il-qattiel kien diġà ħarab minn fuq il-post.
Spiċċa ħdejn il-bieb
Peress li l-argument u l-isparatura seħħet qrib il-bieb tal-garaxx, Fenech spiċċa fl-art ħdejn il-bieb tal-garaxx f’għadira demm fuq in-naħa ta’ barra. Fil-fatt il-mara li ċemplet għall-ajjut sabet lil Fenech mejjet barra mill-bieb tal-garaxx. Il-qattiel ħarab minn fuq il-post mingħajr ma ħalla traċċi warajh.
Kif bdew jaslu l-Pulizija fuq il-post tad-delitt sabu xena kerha. Minkejja li wħud mill-Pulizija kienu raw diversi xeni ta’ omiċidji, xorta waħda dak li raw kienet waħda mill-agħar li qatt esperjenzaw.
Barra l-feriti gravi li kellu f’rasu, sidru u partijiet oħrajn ta’ ġismu, Charles Fenech kellu nofs wiċċu mtajjar. Tant il-qattiel spara mill-viċin li ċ-ċomb ma kellux fejn jinfirex u Fenech intlaqat direttament miċ-ċomb kollu taż-żewġ tiri sparati.
Ftit li xejn evidenza
Bix-xjenza forensika li kienet għadha mhix avvanzata bħalma hi llum, l-investigaturi u l-esperti forensiċi ftit li xejn kellhom biex jaħdmu.
Mill-investigazzjonijiet li saru fil-jiem u x-xhur ta’ wara dan il-qtil, il-Pulizija waslu għat-teżi li l-mottiv wara li qtil ta’ Charles Fenech kien bla dubju ta’ xejn vendetta. Kollox kien qed jindika li min qatel lil Fenech ma għamlux minħabba xi negozju jew xi att kriminali, imma kienet kwistjoni personali fejn kien hemm għajdut li l-problema kienet dwar xi relazzjoni ma’ xi ħadd minn tal-familji.
L-arma baqgħet ma nstabitx
Il-Pulizija kienu ġabru numru ta’ persuni li b’xi mod jew ieħor kienu jafu lil Charles Fenech kemm fuq bażi personali kif ukoll minħabba terzi persuni.
L-investigaturi anke għamlu diversi tfittxijiet għand uħud mis-suspettati bit-tama li tinstab l-arma li ntużat f’dan il-qtil. Iżda minkejja dan kollu l-Pulizija ma sabu l-ebda ħjiel u l-arma baqgħet ma nstabitx.
Xi snin wara, fil-bidu tal-2005, il-Pulizija kienu appellaw lil kull min għandu senter biex jieħdu d-Depot tal-Pulizija fil-Furjana f’tentattiv mhux biss biex isolvu l-każ ta’ Charles Fenech imma omiċidji oħrajn li fihom intuża senter.
Fost dawn kien għad hemm il-qtil tal-Baruni Francis Sant Cassia ta’ 68 sena li nqatel f’Ottubru 1988 fl-Imġarr li dwar dan il-każ il-Pulizija resqu raġel mill-Mosta li l-proċeduri kontrieh għadhom għaddejjin fil-Qorti. Każijiet oħrajn huma dak ta’ Victor Gauci ta’ 34 sena mill-Mosta li nqatel f’Jannar 1992. Dak ta’ Oscar Seguna ta’ 45 sena mill-Imsida f’Settembru 1992, Maurice Seguna ta’ 32 sena, suldat li nqatel f’Ħad Dingli f’Ġunju 1993 u dak ta’ Mario Bonnici ta’ 45 sena li nqatel f’għalqa fil-limita ta’ Ta’ Qali.
Dawn il-vittmi kollha nqatlu b’senter u kien għalhekk li l-Pulizija talbet biex kull min kellu senter irreġistrat fuq ismu biex jieħdu l-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija biex ikun eżaminat mill-esperti ballistiċi. Iżda minkejja dan it-tentattiv min-naħa tal-Pulizija, ma rriżulta xejn.
Appell
Bħalma qed nagħmlu ma’ kull storja ta’ delitti mhux solvuti, qed nappellaw lil kull min jaf xi ħaġa dwar dan il-qtil biex jgħaddi kull informazzjoni lill-Pulizija billi jċempel fuq in-numri 119 jew 21224001.