Kull 20 sena jagħmel Settembru bħal dan

Bla żiffa, l-għaraq ma jevaporax u kulħadd jibda jħossu jdellek u jwaħħal...

It-temp donnu ma jafx x’se jaqbad jagħmel
It-temp donnu ma jafx x’se jaqbad jagħmel

It-temp jidher li għadu ma jafx x’se jaqbad jagħmel. Ħafna huma dawk li qed jistennew l-ewwel maltempata li tidher qiegħda mdendla iżda għal xi raġuni jew oħra għadha m’għamlitx. Forsi l-maġġoranza tas-snin esperjenzajna dik ix-xita qliel fi żmien il-Vitorja jew forsi iktar tard fi żmien il-festa tal-Grazzja f’Ħaż-Żabbar. Iżda din is-sena donnu għadu ma jridx jaf. 

Il-ġurnal ILLUM tkellem mad-Direttur Maniġerjali ta’ MaltaWeather.com Mark Vella u talbu kummenti dwar it-temp li qed jagħmel bħalissa. Ħafna qalu li Settembru kien iktar sħun din is-sena waqt li Lulju ma kienx daqshekk kiefer. Vella qal li “hija biss perċezzjoni li Settembru kien iktar sħun. Li ġara kien li kellna umdità qawwija u ma kienx hemm riħ u b’hekk ma kinitx għaddejja naqra żiffa. Kif nafu, l-umdità ġġiegħlek tħoss iktar sħana. Bla żiffa, l-għaraq ma jevaporax u kulħadd jibda jħossu jdellek u jwaħħal.”

Vella semma kif dan is-sajf ma kellnix temperatura ogħla minn 34 grad Celsius. Dan kien kaġun li l-pressjoni għolja li s-soltu titla’ mill-Afrika u żżomm il-bnazzi u t-temperaturi sħan ma kinitx daqshekk qawwija u b’hekk wassal biex it-temperaturi tagħna ma kinux daqshekk sħan. “Infatti miċ-ċentru tal-Italja ’l fuq ma kellhomx sajf, għax il-pressjoni mill-Afrika ma waslitx s’hemm u b’hekk esperjenzaw sajf bix-xita eċċ” żied Vella.  

Vella saħaq li “l-aħħar sjuf ma kinux kefrin. Jekk tqabbel is-sajf qalil li esperjenzajna fl-2003 ma’ dawn l-aħħar sjuf m’hemmx paragun.”

“Mill-informazzjoni li għandna aħna, kull ftit snin ikollna Settembru bħal dan, Settembru bi ftit jew xejn xita, inkluż Settembru ta’ sentejn ilu, iżda din hija biss parti miċ-ċiklu naturali u li wara kollox mhix daqshekk rari,” temm il-kummenti tiegħu Vella.

More in Kronaka