120 uffiċjal pubbliku jingħata taħriġ dwar l-UE

120 uffiċjal pubbliku ġew f’korsijet barra minn Malta dwar il-funzjonalità tal-UE

Ian Borg ħabbar li dan se jsir biex jipprovdi l-ħiliet neċessarji sabiex impjegati jkunu jistgħu jiffaċċjaw aħjar l-impenji relatati ma’ affarjiet Ewropej
Ian Borg ħabbar li dan se jsir biex jipprovdi l-ħiliet neċessarji sabiex impjegati jkunu jistgħu jiffaċċjaw aħjar l-impenji relatati ma’ affarjiet Ewropej

“120 uffiċjal pubbliku ġew approvati sabiex jipparteċipaw f’korsijet barra minn xtutna ħalli jkomplu jtejbu l-għarfien tagħhom dwar kif taħdem l-UE.” Dan qalu s-Segretarju Parlamentari għall-Presidenza Ewropea 2017 u Fondi Ewropej Ian Borg.

Borg qal li s’issa kien hemm diġà 40 uffiċjal li temmew il-kors tagħhom b’suċċess. Il-korsijiet approvati jkopru diversi suġġetti relatati mal-ħidma tal-UE fosthom il-proċess ta’ kif jittieħdu d-deċiżjonijiet, ħiliet fin-negozjati, ħiliet diplomatiċi, liġijiet tax-xogħol u liġijiet ambjentali fost l-oħrajn.

Is-sejħa ħarġet f’Mejju u qed tkun iffinanzjata mill-Fond Soċjali Ewropew. L-għan tagħha huwa li jiġu identifikati uffiċjali li huma interessati li jagħmlu kors qasir fuq materji relatati mal-UE. Il-korsijiet qed jiġu offruti minn istituzzjonijiet magħrufa li għandhom l-esperjenza meħtieġa f’dan is-settur biex b’hekk il-parteċipanti jiksbu l-ħiliet neċessarji sabiex ikunu jistgħu jiffaċjaw aħjar l-impenji relatati ma’ affarijiet Ewropej.

L-offerta ta’ sponsor tkopri l-ispejjeż relatati mal-kors kif ukoll spejjeż relatati mal-ivjaġġar u akkomodazzjoni għal perjodu massimu ta’ tliet ġimgħat.

More in Kronaka