Deffsulu l-gazzetti f’ħalqu u ħarquh

Qtil ieħor b’konnessjoni ma’ vendetta fl-1993

Peter Cilia, il-vittma li kien jaħdem bħala għassies
Peter Cilia, il-vittma li kien jaħdem bħala għassies
Pulizija u esperti tal-Qorti fuq ix-xena tad-delitt, jidher ukoll parti mill-vann tal-vittma
Pulizija u esperti tal-Qorti fuq ix-xena tad-delitt, jidher ukoll parti mill-vann tal-vittma

Wara li l-ġimgħa l-oħra rajna qtil li kellu kull element ta’ vendetta, l-investigaturi fil-qtil li se naraw f’din il-ħarġa qatt ma eskludew li Peter Cilia ta’ 55 sena, Naxxari li kien joqgħod Ħ’Attard, kien ukoll vittma ta’ vendetta. 

Peter Cilia, jew kif kien aktar magħruf bħala Pietru, instab mejjet fil-karozza tiegħu nhar l-Erbgħa, 21 ta’ Lulju 1993. Il-qattiela riedu jeqirdu kull traċċa tant li wara li qatluh taw in-nar il-karozza wara kamra li kellu l-vittma stess fl-inħawi ta’ Saverja ftit ’il bogħod mit-Torri tal-Għallies qrib il-Magħtab.

Inqatel b’tir ta’ arma tan-nar

Meta l-Pulizija sabu l-katavru ta’ Pietru Cilia, l-ewwel suspetti kienu li Cilia kien inħaraq ħaj l-aktar wara l-każ brutali ta’ Sylvia King, li kienet inħarqet ħajja fil-karozza tagħha ftit aktar minn tliet xhur qabel, fl-4 ta’ April 1993 fl-inħawi tal-Kunċizzjoni, limiti tar-Rabat, Malta.

Kien biss meta saret l-awtopsja fuq il-katavru ta’ Cilia, liema awtopsja saret is-Sibt, 24 ta’ Lulju, li patoloġisti sabu balla fil-kadavru.

Kellu rutina li rari ma żammx

Pietru kellu rutina tiegħu li rari ma kienx iżomm magħha, iżda dakinhar huwa deher f’post li ma kienx jiffrekwenta ta’ kuljum. Huwa kien joħroġ mid-dar ftit qabel is-7.30am biex imur għax-xogħol fejn kien jaħdem bħala għassies f’Wied Inċita, f’Ħ’Attard stess. Kien dakinhar, l-Erbgħa, 21 ta’ Lulju 1993 filgħodu qabel mar għax-xogħol li martu Lina rat l-aħħar darba lil żewġha ħaj. 

Pietru kien missier ta’ tlett itfal – Amy li kellha 21 sena, Dennis li kellu 17-il sena u ż-żgħir Johan li dakinhar kellu 10 snin.

Wara li ħareġ mid-dar Pietru mar fil-garaxx jagħlef l-annimali li kien irabbi u minn hemm, bħalma kien jagħmel, kellu jibqa’ sejjer fl-għalqa li kellu qrib Kennedy Grove, limiti ta’ San Pawl il-Baħar.

Persuni li kienu tkellmu mal-Pulizija kienu stqarrew li dakinhar stess bejn it-8.15am u t-8.30am kienu raw lil Pietru fl-inħawi tat-Torri tal-Għallies fejn hemm kellu razzett żgħir u kamra li fiha kien iżomm xi affarijiet relatati mal-għelieqi li kellu.

Martu Lina kienet qalet lill-Pulizija li dakinhar żewġha ma kellux imur hemm u x’aktarx li kien sfurzat li jmur.

Ma marx id-dar biex jiekol

Peress li minn fejn kien jaħdem għad-dar tiegħu f’Ħ’Attard ma kellux distanza twila, Pietru kien imur id-dar f’nofsinhar biex jiekol xi ħaġa.

Kif beda għaddej il-ħin u Pietru ma tfaċċax, Lina bdiet titħasseb. Kif saru t-3pm u żewġha ma deherx ippruvat tagħmel kuntatt ma’ xi qraba ta’ Pietru, fosthom ħutu, iżda ħadd ma kellu xi ħjiel fejn seta’ kien Pietru.

Għall-ħabta tas-6pm Lina bdiet taħseb ħażin għax Pietru dejjem kien iżomm il-ħin. Għaldaqstant hija ċemplet lil ħuh Francis. Min-naħa tiegħu Francis telaq kollox u mar ifittex lil Pietru. Francis, u xi persuni oħrajn li marru miegħu jfittxu lil Pietru, daru l-postijiet li fihom Pietru kien magħruf li kien jiffrekwenta.

Kien ftit qabel id-9pm li Francis u dawk li kienu miegħu waslu fl-inħawi tal-Għallies. Kif ittawlu mit-triq lejn fejn kellu r-razzett Pietru, għall-ewwel kollox deher normali, iżda biex ikunu ċerti resqu aktar viċin. Kif kienu ftit metri ’l bogħod minn dura, dehret il-parti ta’ quddiem ta’ karozza. Kif marru jaraw jekk dik kinitx ta’ Pietru, sabu quddiemhom xena makabra. 

Il-karozza fil-fatt kienet il-vann Austin Cambridge ta’ Pietru Cilia bin-numri tar-reġistrazzjoni D7375 li kienet kważi maħruqa. Kif ittawlu fil-vann raw katavru maħruq u mill-ewwel marru fl-Għassa tal-Pulizija tan-Naxxar fejn b’xokk kbir fuqu, Francis qal lill-Pulizija b’dak li kienu sabu.

Viċin fejn instab il-katavru kienet toqgħod oħt l-istess vittma.

Ħatfuh, qatluh u ħarquh 

Kif il-Pulizija kienu infurmati bis-sejba makabra qrib il-Magħtab, fuq il-post marru George Grech, li dak iż-żmien kien il-Kummissarju tal-Pulizija, is-Supretendent Joseph Cachia, illum il-Kmandant tal-Akkademja tal-Pulizija, flimkien mal-Ispetturi Leli Cassar, Bertu Mula u Pawlu Sammut, it-tlieta rtiraw mill-Korp u l-Ispettur Raymond D’Anastas illum Supretendent.

Mill-ewwel stħarriġ li sar, l-investigaturi sabu li min qatel lil Cilia ried jeħles minn kull traċċa billi jaħraq mhux biss il-vann imma wkoll il-katavru. Fil-fatt madwar il-kadavru, il-Pulizija sabu 16-il tyre li ngħataw in-nar. 

Mill-istess investigazzjonijiet irriżulta wkoll li Cilia kien inħataf minn mill-inqas żewġ persuni u li x’aktarx li huwa ma nqatilx fuq il-post imma ttieħed bil-vann fejn instab meta kien diġà mejjet.

Sorsi li tkellmu miegħi qaluli li t-teżi li ħadmu fuqha l-investigaturi kienet li Cilia kien jaf lil wieħed mill-qattiela jekk mhux ukoll it-tnejn li huma. Ħaġa ċerta hija li l-qattiela kienu jafu sew il-movimenti tal-vittma. 

L-istess sorsi qalu l-probabbiltà li wieħed minnhom kien fil-vann ma’ Cilia filwaqt li l-kompliċi kien mistoħbi fi sqaq. Kif Cilia saq fl-isqaq, ħareġ il-kompliċi u wieħed minnhom spara tir u laqat lil Cilia. Jidher li Pietru prova jkompli jsuq, iżda ntilef minn sensih u ħabat mill-inqas darbtejn ma’ ħajt tas-sejjiegħ. Dan irriżulta minn brix blu fuq xi ġebel li kien l-istess kulur tal-Austin Cambridge ta’ Cilia. 

Huwa tpoġġa fuq is-seat tal-passiġġier u minn hemm il-qattiela saqu l-vann għal wara dura, distanza ta’ madwar 500 metru minn fejn inqatel. Biex jeqirdu l-evidenza kollha, il-qattiela poġġew karti tal-gazzetti f’ħalq Cilia, poġġew 16-il tyre madwaru u wara li xarrbu l-katavru u t-tyres b’likwidu li jaqbad, tawhom in-nar.

Il-Pulizija jikkalkulaw li dan kollu sar għall-ħabta tal-10am għax id-dura fejn ħbew il-vann bil-katavru qabel ma ttieħed fejn ingħata n-nar, kienet mikrija mingħand Pietru Cilia stess lil raġel li kien imur inaddaf il-mansab u mal-10am jkun diġà telaq.

Meta staqsejt kif ħadd ma rrapporta d-duħħan iswed li tela’ meta ngħata n-nar, is-sorsi qaluli li peress li fl-għelieqi spiss xi ħadd kien iqabbad in-nar biex jeqred l-iskart u l-fatt li l-post huwa qrib ħafna tal-miżbla, għal ħafna nies id-duħħan kien xi ħaġa normali.

Peress li meta nstab il-kadavru kien diġà dalam, il-Pulizija flimkien mal-esperti forensiċi komplew jiflu l-inħawi l-għada filgħodu. Fost traċċi li nstabu kienu tiċpis tad-demm fuq xi ġebel. L-esperti jemmnu li wieħed mill-qattiela, x’aktarx dak li kien riekeb miegħu u li saq il-vann wara l-qtil, iċċappas bid-demm tal-vittma u kif ħareġ mill-vann mesaħ idejh mal-ġebel. Dawn ġew elevati mill-Uffiċjali tax-Xena tar-Reat għal aktar stħarriġ.

Il-Pulizija tkellem diversi qraba

Mill-bidu nett tal-investigazzjonijiet tagħha, il-Pulizija bdiet titratta dan il-każ bħala qtil ta’ vendetta, jew tpattija. Kienu diversi l-persuni li ġew mitkellma mill-investigaturi, fosthom anke qraba tal-istess Pietru Cilia.

Cilia stess kien fost is-suspettati tal-qtil li rajna l-Ħadd li għadda fejn inqatel Charles Fenech ta’ 36 wkoll minn Ħ’Attard. Fenech inqatel nhar il-Ġimgħa, 30 ta’ Jannar 1987 b’tiri sparati mill-qrib meta kien fil-garaxx li kellu qrib il-Kappella tal-Mirakli f’Ħal Lija. Dak iż-żmien il-Pulizija kienu ġabru lil Cilia iżda ma kellhom ebda prova li setgħet b’xi mod tpoġġih fuq ix-xena tar-reat.

Cilia kien ukoll wieħed mis-suspettati fil-qtil ta’ ħu l-mara tiegħu, Victor Gauci ta’ 34 sena mill-Mosta li nqatel b’tir ta’ senter ħdejn id-dar tiegħu fi Triq l-Antinni fil-Mosta nhar l-Erbgħa, 15 ta’ Jannar 1992. Wara li l-qtil ta’ Gauci l-Pulizija kienu marru f’Wied Inċita fejn dak il-ħin Cilia kien għadu xogħol u ħaduh għall-interrogazzjoni.

Dakinhar il-Pulizija kienu elevaw il-vann Austin Cambridge, l-istess vettura li nstab fiha maqtul Cilia, kif ukoll kienu elevaw żewġ snieter li kellu Pietru Cilia fir-residenza tiegħu. Huwa kien qal lill-Pulizija li dakinhar li nqatel ħatnu kien mar f’xi ħin filgħodu jispara fl-għelieqi fis-Salini.

Minkejja dawn is-suspetti, il-Pulizija qatt ma kellha prova soda biex tressaq lil Pietru Cilia l-Qorti u takkużah biż-żewġ delitti jew b’wieħed minnhom. 

Il-familja tiegħu dejjem ċaħdet li Pietru kellu xi jgħid ma’ xi ħadd jew li b’xi mod seta’ kien involut f’xi qtil. Il-familja, b’mod speċjali martu Lina, baqgħet tiċħad ukoll li l-qtil ta’ żewġha kellu konnessjoni mal-qtil ta’ ħuha Victor Gauci fil-Mosta.

Appell

Bħalma qed nagħmlu ma’ kull storja ta’ delitti mhux solvuti, qed nappellaw lil kull min jaf xi ħaġa dwar dan il-qtil biex jgħaddi kull informazzjoni lill-Pulizija billi jċempel fuq in-numri 119 jew 21224001.

More in Kronaka