Hawn kaċċaturi li jobdu l-liġi?

Wara d-deċiżjoni tal-gvern fl-20 ta’ Settembru li jagħlaq l-istaġun tal-kaċċa fil-ħarifa b’mod immedjat, diversi kienu dawk li kkummentaw kemm favur u kemm kontra. 

Il-gvern kien saħaq li ma kienx se jittollera aġir kriminali, speċjalment dak li jidher li qed isir minn persuni b’mod maħsub ta’ poaching għal raġunijiet kummerċjali ta’ bbalzmar. Insista li hu ta’ għajb għal min jaħseb li jista’ jagħmel li jrid.

Il-Partit Nazzjonalista wkoll laqa’ d-deċiżjoni tal-Gvern li jagħlaq l-istaġun tal-kaċċa b’effett immedjat wara l-każi ta’ illegalità li ddominaw l-aħbarijiet. “Il-kaċċa illegali hija illegali u għaldaqstant l-ebda Gvern m’għandu jittolleraha” saħaq il-PN.

Intant din il-gazzetta tkellmet ma’ tliet kaċċaturi magħrufa li esprimew l-opinjonijiet tagħhom meta staqsejnihom jekk huwiex minnu li mal-ħażin weħel it-tajjeb u fuq kollox, jekk għadx fadal kaċċaturi li jobdu l-liġi...

Joe Perici Calascione

Joe Perici Calascione
Joe Perici Calascione

“Jien persważ li dawk li jiksru l-liġi tant huma ftit li t-titjib li sar fl-aħħar għaxar snin huwa inkredibbli. Meta jien kont noħroġ għal kaċċa kont stajt nara din id-differenza u naħseb li għandha tkun ta’ soljiev u serħan il-moħħ kbir għall-ambjentalisti. Naħseb li dawn għandhom ikunu onesti u jammettu li rajna titjib enormi. Li għad fadal tant huma ftit li bil-mod il-mod qed niżolawhom u kollha qed jeħlu wieħed wieħed.

Wara kollox kemm ħa ddum tgħix fi żmien fejn tagħmel li trid. Illum hemm ħafna regolamenti u hekk għandu jkun. Aħna ma jaqblilnix li l-prattika tkun regolata. Illum ma tistax ħabba l-isfera Ewropea u internazzjonali u l-attenzjoni kbira li tingħata lill-ambjent u l-konservazzjoni tal-għasafar.

Issa qed naraw li minflok nippremjaw lit-tajjeb, kif isir f’kull pajjiż ieħor barrani, qed nikkastigaw u nsawtu lit-tajjeb u nitfgħuh fl-istess keffa mal-ħażin. Dan, ovvjament, mhux se jibqa’ jgħin, biex it-tajjeb jiżvela lill-ħażin la dan issa qed jeħel miegħu. Dan hu kastig kollettiv u li bih għalija morna lura fiż-żmien.”

Lino Farrugia

Lino Farrugia
Lino Farrugia

“Jien persważ li l-maġġoranza tal-kaċċaturi jobdu l-liġi. Tant hu hekk li anke fl-istqarrija li għamel il-Gvern qal hu stess li l-maġġoranza tal-kaċċaturi huma tal-affari tagħhom. Għaldaqstant il-kastig kollettiv li fl-opinjoni tagħna kien żball u ttieħed bl-għaġla mhuwiex ġust u minħabba f’hekk mal-ftit ħażin weħlu l-ħafna tajbin.”

Mark Mifsud Bonnici

Mark Mifsud Bonnici
Mark Mifsud Bonnici

“Għalija l-kastig kollettiv kien idea totalment żbaljata. Messhom jekk il-każ sar f’żona partikolari jgħalqu dik iż-żona biss u jiġu ppenalizzati n-nies li jippruvaw jabbużaw f’dik l-akkwata. Il-kastig kollettiv żgur mhux is-soluzzjoni. Ġieli kien hemm eluf ta’ kaċċaturi li marru jipprotestaw u qatt ma nqala xejn... ma nafx għala dan kollu.”

 

Joe Sultana
Joe Sultana

L-ILLUM talbet ukoll kummenti ta' żewġ ambjentalisti, Joe Sultana u Geoffrey Saliba li wkoll taw l-opinjoni tagħhom dwar is-sitwazzjoni.

“Min jiggverna għandu d-dritt jeħodlok dak li jkun tak jekk l-affarijiet imorru għall-agħar”

Joe Sultana

Geoffrey Saliba
Geoffrey Saliba

Ħafna kaċċaturi jgħidu li meta l-istaġun ikun miftuħ għall-kaċċa, ikun hawn inqas kaċċa illegali. Dan mhu veru xejn… anzi l-kuntrarju. Hawn numru sostanzjali li jabbużaw. Jiena nemmen li hawn kaċċaturi li huma ta’ bona fede. Imma ma naqbilx meta jingħad li hawn ftit kaċċaturi li jisparaw fuq tajr protett. Jekk hawn ftit u jafu min huma, min qiegħed jiffirmalhom biex ikunu jistgħu jakkwistaw liċenzja li jġorru arma tan-nar? Il-kaċċa illegali li nsiru nafu biha permezz tal-mezzi tax-xandir hija biss kif jgħidu l-Ingliżi ‘the tip of the iceberg.’ Din mhix kwistjoni ta’ hux ġust jew le. Min jiggverna u jagħtik permess għal xi attività, għandu dritt li jieħdu lura jekk l-affarijiet imorru għall-agħar.

Geoffrey Saliba

Il-fatt jibqa’ li sfortunatament il-kaċċa illegali hija problema mifruxa sew f’pajjiżna. Jiena ċert li hawn kaċċaturi ta’ bona fede - u jiena ċert għax hemm minnhom li jirrapportaw illegalitajiet lilna. Għaliex lilna? Għax jibżgħu jidhru li qed jikxfu lil sħabhom stess mal-awtoritajiet jew l-organizzazzjoni tal-kaċċa tagħhom. Apparti l-esperjenza tagħna fil-kampanja, dan ukoll juri li l-problema ta’ illegalitajiet fost il-kaċċaturi hija waħda serja, mifruxa u li għad m’hemmx biżżejjed kontroll fuqha. Mill-esperjenza tagħna, l-għeluq tal-istaġun iwassal għal ħafna inqas qtil illegali ta’ tajr protett, u abbuż ieħor kontra n-natura.

Nixtieq infakkar ukoll li l-kaċċa mhix dritt fundamentali imma privileġġ. Privileġġ fejn qed jintuża riżors komuni, jekk nistgħu nirreferu għall-ambjent bħala riżors. Minħabba f’hekk hemm regoli importanti sabiex dan ir-riżors jitħares. Meta s-sitwazzjoni tant hija gravi li anke dawn ir-regoli, u l-infurzar tagħhom, mhuwiex biżżejjed biex jitħares l-ambjent, allura iva, huwa xieraq li dan il-privileġġ jiġi maħsub sew.

Infakkar ukoll li l-istaġun din is-sena ngħalaq biss għall-perjodu fejn ħafna tajr protett ipassi. Il-kaċċaturi għad għandhom ħames xhur sħaħ fejn jistgħu jikkaċċjaw. Allura jiena niċħad dak li xi ftit qed isejħu ‘kastig kollettiv.’ Kieku veru kastig, dawk il-ħames xhur kienu jitneħħew ukoll. L-għeluq tal-istaġun huwa sempliċiment mezz ta’ kif tajr protett jista’ jiġi protett fil-verità u mhux biss fuq il-karta, f’dawn iċ-ċirkostanzi eċċezzjonali.

More in Kronaka