“Trikki trakki ma’ Malmström”

Malmström tammetti l-falliment fil-qasam tad-distribuzzjoni tal-piż fejn jidħlu l-immigranti irregolari

Cecilia Malmstrom ilmentat dwar il-qagħda li fiha jinżammu l-immigranti irregolari f'pajjiżna
Cecilia Malmstrom ilmentat dwar il-qagħda li fiha jinżammu l-immigranti irregolari f'pajjiżna

“Il-prijorità għalija hi s-sigurtà ta’ pajjiżna. Nixtieq li nneħħi ċ-ċentri ta’ detenzjoni iżda ma nistax nissogra għax qabel noħroġhom fit-toroq irrid inkun naf eżatt il-mottiv ta’ dawk li jaslu Malta.” Dan qalu l-Ministru tal-Affarijiet Barranin George Vella, li stqarr esklussivament ma’ din il-gazzetta li meta ltaqa’ mal-kummissarju tal-UE, Cecilia Malmström kien hemm kemxejn ta’ trikki trakki bejniethom. 

“Dan minħabba l-fatt li l-Kummissarju Malmström ma qablitx li l-immigranti għandhom jinżammu f’ċentri ta’ detenzjoni u insistiet li dan imur kontra r-regolamenti tal-Unjoni Ewropea” qal Vella. Żied jgħid hu insista ma’ Malmström li Malta lesta li tħallas il-multi imposti fuqha mill-Ewropa, basta tipproteġi s-sigurtà tal-pajjiż.

“Malmström gergret u ma qablitx miegħi u qaltli li qed nikser ir-regoli Ewropej. Jien weġibtha li l-Ewropa tħares lejn l-esiġenzi tagħha iżda aħna rridu naħsbu fis-sigurtà ta’ pajjiżna għax dik hi l-prijorità tal-pajjiż. Akkost li nħallsu l-multi li jkunu imposti fuqna mill-Unjoni” qal Vella.

Mallia insista li l-gvern Malti se jkompli jippersisti li jkun hemm tqassim xieraq tal-immigranti mill-pajjiżi kollha. “Hemm pajjiżi li lanqas jieħdu rifuġjat wieħed. U billi m’hemmx leġislazzjoni li torbot l-istati membri biex jaqsmu r-responsabbiltajiet tal-immigranti regolari, ħadd ma jista’ jimponi fuq ħadd. Hemm minnhom li jwegħduk li se jieħdu għandhom 250 refuġjat u lanqas jieħdu n-nofs u ma tista’ tgħidilhom xejn.”

Il-kummissarju responsabbli għal-Libertà, Sigurtà u Ġustizzja, Cecilia Malmström iddikjarat kważi falliment totali fejn tidħol solidarjetà bejn l-istati membri tal-UE.

Qalet b’mod ċar li s-solidarjetà bejn stati membri biex jaċċettaw refuġjati, hi waħda ineżistenti fejn qalet li huma l-ftit stati li pprovdew refuġju filwaqt li ħafna oħra m’aċċettaw ebda refuġjat.

Hi qalet li fl-aħħar sena sitt membri stati aċċettaw inqas minn 250 refuġjat bejniethom. Dan bla dubju jfisser li jew l-Unjoni Ewropea falliet f’dan ir-rigward inkella kienet il-Kummissarju stess li falliet milli twassal il-messaġġ mal-istati kollha.

Dwar dan il-fatt il-Ministru Vella qal li hu ma jistax jeħodha kontra Cecilia Malmström fuq dan il-fatt għax hi taġixxi biss fil-konfini tal-Unjoni Ewropea, “xtaqet kemm xtaqet li jkun hemm tqassim responsabbli ta’ refuġjati, ma setgħetx timponi fuq l-ebda stat membru. Għax l-UE ma tagħtihiex kompetenza esklussiva biex tkun tista’ tagħmel dan. Kulma tista’ tagħmel tappella biss u jidher li dan l-appell waqa’ fuq widnejn torox u għalhekk tħossha frustata. Wieħed irid jammetti li l-aktar pajjiż li jieħu immigranti u refuġjati hu pajjiżha, l-Iżvezja.”

Dwar jekk tistax issir leġislazzjoni fl-Ewropa li timponi tqassim responsabbli tal-immigranti irregolari madwar l-istati membri kollha, Vella qal li biex isir dan irid ikun hemm vot unanimu, “U ibqa’ żgur li mhux se jivvota kulħadd favur din il-leġislazzjoni. Il-Gvern irid ikompli jippersisti li jkun hemm tqassim responsabbli u jinsisti li l-ħafna proposti li għamlet it-task force fil-Mediterran jiġu implimentati. Irid ikun hemm relazzjonijiet aħjar ma’ dawk il-pajjiżi minfejn ġejjin dawn l-immigranti u aktar għajnuna. Anke l-proposti ta’ x’għandu jsir waqt il-vjaġġ tal-immigranti fid-deżert, fil-baħar u meta jiġi meħlus mill-baħar.”

Intant, id-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi f’kumment mal-ILLUM qal li jekk il-qsim tar-responsabbiltà hu kompitu kollettiv tal-istati membri allura kif nistgħu ngħidu li hu falliment tal-Kummissjoni jew Kummissarju?

“Sakemm u dment il-Gvern Malti ma jikkonvinċix stati membri oħra biex jaqsmu l-piż, allura l-problema se tibqa’” qal Azzopardi. Qal li l-PN jaqbel u ilu jgħid li jkun essenzjali li jkun hemm politika komuni ta’ migrazzjoni fl-UE, ħaġa li anke l-Kummissarju l-ġdid għall-Immigrazzjoni wera ruħu favuriha. 

“Aħna naqblu, u ilna ngħidu li jeħtieġ li r-Regolament ta’ Dublin ikun emendat għax ma jistax ikun li Malta, bl-ikbar żona ta’ tfittxija u salvataġġ, tibqa’ terfa’ tant piż sproporzjonat għad-daqs tagħha. Issa hu fatt pożittiv li l-Kummissarju l-ġdid qal li hu favur tali tibdil, però fl-aħħar mill-aħħar, id-deċiżjoni hija f’idejn kull wieħed mill-istati membri” qal Azzopardi. 

Kompla jgħid li sakemm u dment li jkun hemm imqar stat wieħed biss li ma jaqbilx, allura ma jkunx hemm unanimità u allura t-tibdil ma jseħħx. “Għalhekk, iktar milli nippuntaw subgħajna lejn direzzjoni mhux korretta, jeħtieġ, anke jekk dan żgur mhux faċli, li l-Gvern Malti jikkonvinċi ħafna iktar stati, speċjalment dawk tan-naħa ta’ fuq tal-Ewropa. Wieħed kien jistenna, pereżempju, li bil-ħbiberija personali li hemm bejn il-PM Malti u l-President Franċiż, Franza taċċetta numru ta’ immigranti minn Malta imma dan għadu ma seħħx” temm jgħid Azzopardi.

More in Kronaka