Il-Kunsill tal-Gudja qatt ma ġie kkonsultat

L-għagħa u l-kommossjoni dwar l-estensjoni tal-Ajruport fil-Gudja

Quddiem il-MEPA bħalissa hemm applikazzjoni biex isir espansjoni u jiġi żviluppat 130,000 metru kwadru mal-ajruport Internazzjonali Malti. F’dan l-iżvilupp se jinbnew lukanda, supermarket u tliet binjiet għoljin (torrijiet) fost bini ieħor. Żvilupp li mistenni jilqa’ fih madwar 2,500 ħaddiem. Dan il-proġett hu ekwivalenti daqs nofs ir-raħal ta’ Ħal Safi u 5% tar-raħal kollu tal-Gudja. Proġett li llum jinħema erba’ snin, mill-2010 u l-Kunsill Lokali tal-Gudja qatt ma ġie konsultat ħlief issa li ngħata d-dokumenti li tpoġġa quddiem il-MEPA.

L-impatt ambjentali ta’ dan il-proġett fuq ir-raħal tal-Gudja qajjem protesti kbar fost ir-residenti Gudjani u anke l-istess kunsill lokali tal-Gudja. Fil-fatt ir-residenti ħolqu paġna fis-sit soċjali Facebook Le għal żvilupp li jgħatti l-panorama tar-raħal antik Gudjan li diġà ngħaqdu miegħu madwar 1,500 persuna.

Dan il-ġurnal tkellem mas-sindku tal-Gudja, John Mary Calleja li qalilna li l-kunsill qed jisma’ l-ilmenti kbar li qed jagħmel iċ-ċittadin Gudjan u se jagħmlu minn kollox biex dan l-iżvilupp isir b’mod differenti li ma jagħmilx ħsara ambjentali lir-raħal u lanqas ibatu ċ-ċittadini Gudjani.

“Kif irċevejna d-dokumenti ta’ dan il-proġett għajjatna laqgħa b’urġenza. Iddeċidejna li naħtru espert biex nistudjaw l-ilmenti fuq l-għoli tal-bini, kif se jolqot lir-raħal u anke l-ambjent. Irridu naraw li ma jinbeniex kwantità kbira ta’ bini” beda biex jgħid is-sindku. 

“Barra hekk irridu nħarsu lejn il-knisja storika ta’ Bir Miftuħ li se titlef il-faxxinu tagħha jekk isir dan il-proġett kif inhu maħsub. Aħna m’aħniex kontra l-iżvilupp u l-investiment iżda ma nistgħux inħallu lir-raħal tagħna u liċ-ċittadini tiegħu jbatu.”

Mistoqsi biex jelabora kif jistgħu jbatu l-Gudjani b’dan il-proġett, is-sindku qal li se jiżdiedu l-karrozzi b’madwar 5,000 kuljum għax hu maħsub li l-karrozzi li se jduru madwar il-Gudja minħabba dan il-proġett se jkun ta’ 11,000 kuljum. “Anke l-parkeġġ se nbatu bih. Diġà qed insibuha diffiċli għax ħafna qed iħallu l-karrozzi tagħhom il-Gudja pparkjati għal madwar xahar u anke xahrejn meta jsiefru biex ma jħallsux l-parkeġġ tal-ajruport u issa li aħna infurmati li dan il-proġett se jħaddem 2,500 ħaddiem ifisser li l-influss għal Gudja ħa jkun ħafna akbar. Dan barra l-importanza storika tal-knisja storika ta’ Bir Miftuħ u anke li se titnaqqas bi kbir il-kampanja miftuħa madwar ir-raħal tagħna.”

Is-Sindku Calleja temm jgħid li qed jistenna li għaqdiet ambjentalisti bħal ‘Din l-Art Ħelwa’ u oħrajn isemmgħu leħinhom, “għax s’issa aħna biss qed niġġieldu kontra dak propost.”

More in Kronaka