L-iskwadra tal-RIU se tibqa’ b’xift ġdid

Filwaqt li l-Ministeru tal-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali uffiċjalment ċaħad ix-xnigħat li l-Iskwadra tar-Rapid Intervention Unit (RIU) se tiżżarma u minflok jerġgħu jiġu fis-seħħ l-Iskwadri tal-SAG u dik mobbli, ġie kkonfermat dak li qalulna s-sorsi tagħna dwar ix-xift il-ġdid li bdew jaħdmu l-Pulizija fl-Iskwadra tal-RIU. 

Novita oħra hija fl-uniformi, beret flok beritta
Novita oħra hija fl-uniformi, beret flok beritta

Konfermat dak li qalulna s-sorsi tagħna

Filwaqt li l-Ministeru tal-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali uffiċjalment ċaħad ix-xnigħat li l-Iskwadra tar-Rapid Intervention Unit (RIU) se tiżżarma u minflok jerġgħu jiġu fis-seħħ l-Iskwadri tal-SAG u dik mobbli, ġie kkonfermat dak li qalulna s-sorsi tagħna dwar ix-xift il-ġdid li bdew jaħdmu l-Pulizija fl-Iskwadra tal-RIU.

B’reazzjoni għall-artiklu li deher fil-ħarġa tal-Ħadd li għadda fil-faċċata ta’ din il-gazzetta dwar l-Iskwadra tar-Rapid Intervention Unit, li tista’ tinqasam u jerġgħu jkunu introdotti l-iskwadri tal-SAG u dik mobbli, il-Ministeru tal-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali ċaħad li hemm dan il-ħsieb.

Kelliema għall-Ministeru f’risposta li bagħtet lil din il-gazzetta b’reazzjoni għall-artiklu qalet li “M’hemm l-ebda ħsieb li l-RIU terġa’ tinqasam f’SAG u Mobile Squad.

L-istudji fil-Korp tal-Pulizija huma kontinwi sabiex dejjem ikun hemm titjib. Dan żgur ma jfissirx li l-RIU se terġa’ tinqasam,” ittemm tgħid ir-risposta tal-Ministeru.

Ta’ min ifakkar li l-istess artiklu mill-paġna tal-faċċata jkompli f’paġna 3 fejn irrapportajna li “fl-istess ħin sorsi qrib il-Ministeru tal-Intern ċaħdu li l-RIU se tiżżarma.”

Konferma oħra li żvelajna fl-artiklu tagħna tal-Ħadd li għadda hija dwar ix-xift il-ġdid li bdew jaħdmu l-Pulizija tal-RIU. Fl-artiklu semmejna li x-xift il-ġdid li kien qed ikun studjat għal din l-iskwadra kien se jkun “fuq bażi ta’ Day-Night-Rest-Off u jaħdmu 13-il siegħa kull xift.” Se jerġa’ jibda wkoll it-taħriġ f’Ta’ Kandja li se jkun parti mill-ħin regolari tal-Pulizija u li se jkun hemm xift apposta għat-taħriġ. Dawk li jkunu qed jattendu t-taħriġ se jkunu wkoll fuq standby f’każ li tinqala’ xi emerġenza u l-Korp ikollu bżonn aktar Pulizija.

Fil-fatt minn nhar l-Erbgħa li għaddew il-Korp introduċa dan ix-xift u jidher li ntlaqa’ tajjeb mill-maġġoranza tal-Pulizija tal-RIU. Fejn qabel ix-xift ta’ filgħodu kien jibda fl-4am, issa l-ħinijiet tax-xift se jkunu mis-7am sat-8pm u mit-8pm sas-7am. Se jkun hemm bejn tmienja u għaxar vetturi jduru ma’ Malta meta qabel kien qed ikun hemm ħames vetturi.
Waqt il-bidla bejn xift u ieħor xorta se jkun hemm karozzi jduru għax il-bidla ssir waqt li jkunu għadhom waqt ir-ronda u mhux kulħadd jidħol fil-Kwartieri f’Ta’ Kandja u jinbidlu hemmhekk.

Min-naħa l-oħra hemm min ilmenta fuq punti oħrajn li nifhmu li għad iridu jiġu diskussi. L-istess sorsi qalulna li l-Aġent Kummissarju Ray Zammit mistenni anke jiltaqa’ mal-membri tal-RIU fejn għandhom jiġu spjegati ċerti regolamenti biex is-servizz li huwa mistenni minnhom ikun l-aħjar fl-interess ta’ kulħadd, b’mod speċjali għaċ-ċittadin.

Novità oħra fl-Iskwadra tal-RIU hija parti mill-uniformi. Minflok il-beritta issa l-Pulizija tal-RIU qed jilbsu beret.

Sadanittant sorsi qrib il-Korp tal-Pulizija qalu lil ILLUM li jixtiequ jaraw spettur ma’ kull xift biex b’hekk l-operat ta’ din l-Iskwadra tkun aktar effiċjenti. Huma spjegaw li jekk tinqala’ sitwazzjoni, b’mod speċjali matul il-lejl, ikun hemm uffiċjal b’awtorità li jkun jista’ jieħu deċiżjoni.

More in Kronaka