Il-vittma jinstab b’€2000 f’butu

Qtil fix-Xemxija fl-2008

Il-bieb tal-appartamenti Old Trafford Flats fejn kien dieħel il-vittma
Il-bieb tal-appartamenti Old Trafford Flats fejn kien dieħel il-vittma

Qtil li seħħ ftit inqas minn sitt snin ilu ħalla lill-Pulizija b’diversi truf u ħafna mistoqsijiet. Il-mottiv wara l-qtil premeditat ta’ Renzo Borg li seħħ fil-11 ta’ Diċembru 2008 fix-Xemxija seta’ kien jew droga jew użura jew it-tnejn flimkien.

Sparati żewġ tiri mill-qrib

Kien għall-ħabta tal-11.30pm meta Renzo Borg ta’ 31 sena minn Birkirkara, li iżda kien qed joqgħod in-Naxxar, wasal fi Triq il-Ħaġra l-Wieqfa li tinsab qrib ir-Riserva Naturali tas-Simar limiti ta’ San Pawl il-Baħar. Huwa daħal minn Triq il-Pwales, dar fuq il-lemin fi Triq l-Awwista u xellug fi Triq il-Ħaġra l-Wieqfa.

Huwa pparkja l-karozza tiegħu Mazda 323 ta’ kulur abjad u mexa ftit passi biex jidħol fi blokk ta’ appartamenti bl-isem Old Trafford. Li ma kienx jaf Borg kien li kien hemm diġà xi ħadd qed jistennih armat u bl-unika intenzjoni li kellu kien li joqtlu.

Peress li Triq il-Ħaġra l-Wieqfa hija triq żgħira tant li ma tinfed għal imkien, probabbli l-qattiel kien qed jistenna wara l-kantuniera fi Triq l-Awwista biex b’hekk mhux biss ma jarahx Borg, iżda wkoll biex il-ħarba tkun aktar faċli.

Kif Renzo Borg resaq lejn l-erba’ tarġiet li jagħtu għall-bieb tal-komun tal-binja, il-qattiel mar minn warajh u spara żewġ tiri mill-qrib u ħarab minn fuq il-post. Borg niżel fl-art mitluf minn sensih, iżda ma mietx mill-ewwel.

Peress li kienet ix-xitwa, f’dan il-perjodu tas-sena ħafna mill-appartamenti jkunu battala, iżda wieħed mir-residenti sema’ l-ħoss ta’ żewġ tiri. Kif ħareġ jittawwal mill-gallarija biex jara x’kien il-ħoss, ra raġel mixħut fl-art u ċempel mill-ewwel lill-Pulizija.

L-ewwel ma waslu fuq il-post kienu dawk tad-Distrett mill-Għassa tal-Qawra u dawk mill-Iskwadra Mobbli. Peress li Borg kien mitluf minn sensih u kien għadu qed jieħu n-nifs u ma kienx hemm dmijja la fuq il-persuna tiegħu u lanqas fl-art, l-ewwel suspett kien li dan seta’ kien xi każ ta’ overdose. 

Peress li fil-qrib hemm ir-Riserva Naturali kien hemm min ħaseb li l-ħoss tal-isparatura ġiet minn hemm. Minkejja dan xorta waħda kienu infurmati wkoll il-Pulizija mid-Dipartiment tal-Investigazzjonijiet Kriminali.

“L-ammont ta’ droga kokaina li nstabet fl-appartament li kellu Borg fil-blokk Old Trafford, kif ukoll ammont ieħor fil-karozza tiegħu, komplew saħħew it-teżi li dan kien qtil ippjanat”

Jindunaw li nqatel b’żewġ tir

Fuq il-post issejħet ambulanza li ħadet lil Borg l-Isptar Mater Dei f’qagħda kritika fejn beda jingħata l-kura medika fid-Dipartiment tal-Emerġenza.

Kien għall-ħabta tan-12.30am, sbieħ il-Ġimgħa, meta l-Pulizija ġiet infurmata mill-Isptar Mater Dei li dan ma kienx każ ta’ overdose ta’ droga, imma kellu żewġ feriti fuq in-naħa ta’ wara tal-lemin ta’ dahru kompatibbli ma’ żewġ tiri ta’ arma tan-nar x’aktarx pistola żgħira. It-tobba ċċertifikaw li Borg kien fil-periklu imminenti li jitlef ħajtu minħabba emoroġija interna. 

Il-Pulizija marru immedjatament l-isptar biex forsi Borg jgħid xi ħaġa li jista’ jwassalhom biex jidentifikaw min sparalu. Iżda mhux biss Borg ma kienx f’pożizzjoni li jitkellem u jikxef minn seta’ sparalu, iżda miet ftit minuti wara. 

Każ ta’ omiċidju

Kif il-Pulizija waslitilhom l-aħbar li Renzo Borg seta’ kien vittma ta’ xi ħadd mhux magħruf u li kollox kien jindika li l-mewt kienet kawża ta’ tiri ta’ arma tan-nar, issa l-Pulizija kellhom każ ta’ omiċidju.

Għaldaqstant l-investigazzonijiet għaddew ukoll f’idejn it-Taqsima tal-Omiċidji fejn beda jinvestiga l-Ispettur Chris Pullicino flimkien mas-Supretendent Neville Aquilina, illum Assistent Kummissarju, l-Ispettur Paul Bond tad-Distrett, illum irtirat mill-Korp u l-Ispettur Joseph Mercieca mid-Dipartiment tal-Investigazzjonijiet Kriminali.

Mill-ewwel ħarġet ordni biex jingħalaq l-aċċess għal Triq il-Ħaġra l-Wieqfa u parti mit-toroq l-oħrajn biex ix-xena tar-reat tkun priservata u ħadd ma tħalla jersaq qabel ma waslu aktar Pulizija fosthom dawk tal-Forensika. 

Il-Pulizija eżaminaw il-karozzi li kienu fil-qrib u fosthom sabu karozza bajda Mazda 323 li l-magna tagħha kienet għadha sħuna. Irriżulta li l-karozza kienet ta’ Renzo Borg.

Idoqq il-mobile

Meta l-Pulizija fetħu l-karozza ta’ Borg biex jaraw isibux xi ħjiel li seta’ jgħinhom fl-istħarriġ, fost l-oġġetti li sabu kien hemm il-mobile tal-vittma u ammont ta’ droga. Sakemm il-Pulizija kienu għadhom fuq il-post, il-mobile ta’ Borg daqq darbtejn. Filwaqt li fl-ewwel telefonata min ċempel identifikat min kienet, li rriżulta li kienet persuna li kienet taf lil Borg, fit-tieni telefonata meta min ċempel staqsa min kien qed jirrispondi u sar jaf li kienu l-Pulizija, dan qata’ l-linja.

Għaldaqstant il-mobile ngħata f’idejn l-espert tal-Qorti biex ikun eżaminat u jidentifika mhux biss min kien dak li ċempel, iżda wkoll is-sejħiet li rċieva u li għamel il-vittma dakinhar u fil-jiem ta’ qabel.

Ammont sostanzjali ta’ flus

Meta l-Pulizija eżaminaw il-ħwejjeġ li kien liebes Borg, f’wieħed mill-bwiet tiegħu nstabu madwar €2,000 fi flus kontanti. 

Dan il-fatt kompla saħħaħ it-teżi tal-Pulizija li qtil kien wieħed ippjanat u l-għan ewlieni kien li Borg jiġi eliminat darba għal dejjem. Minkejja l-ammont sostanzjali ta’ flus kontanti li kellu fuqu l-vittma, il-qattiel ried biss joqtlu u mhux jisirqu.

Kien għalhekk li l-investigazzjonijiet komplew jikkonċentraw fuq traffikar ta’ droga u użura b’enfasi aktar fuq in-negozju ta’ droga.

Il-Pulizija kienu għamlu tfittxija intensiva fl-appartament li kellu jmur fih Borg. Hemmhekk ma kienu sabu lil ħadd iżda elevaw droga u diversi oġġetti relatati mat-traffikar u l-abbuż tad-droga. Barra dawn l-oġġetti, il-karozza tal-vittma wkoll ittieħdet lejn il-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija għal aktar eżamijiet forensiċi bit-tama li l-qattiel seta’ għamel kuntatt mal-karozza ta’ Borg.

Sorsi qrib l-investigaturi qalu li minħabba l-ammont ta’ droga kokaina li nstabet fl-appartament li kellu Borg fil-blokk Old Trafford, kif ukoll ammont ieħor fil-karozza tiegħu, komplew saħħew din it-teżi li dan kien qtil ippjanat. 

Fil-jiem u ġimgħat ta’ qabel il-qtil ta’ Renzo Borg, il-Pulizija mill-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga kien għamlu diversi arresti fl-inħawi ta’ San Pawl il-Baħar, Buġibba u Qawra.

Kalibru żgħir

L-inkjesta Maġisterjali f’dan il-każ tmexxiet mill-Maġistrat Dr Miriam Hayman li mexxiet l-aċċess fuq il-post. Hija ħatret diversi esperti fosthom lill-Brigadier Maurice Calleja, il-Perit Richard Aquilina, it-Tabib Forensiku Mario Scerri u s-Seroloġista Marisa Cassar flimkien mal-Uffiċjali tax-Xena tar-Reat.

Meta saret l-awtopsja fuq il-katavru ta’ Borg, il-patoloġisti kkonfermaw li l-vittma kellu żewġ toqbiet żgħar f’dahru. Huma sabu wkoll iż-żewġ balal li kienu sparati mill-qrib u li dawn kienu ta’ kalibru żgħir, .22mm, tant li daħlu imma ma ħarġux. Waħda mill-balal instabet qrib il-qalb u l-oħra ftit ’il bogħod li kkawżaw emoroġija interna. 

Mar jiġbor xi flus

L-investigaturi f’dan il-każ baqgħu jimxu fuq it-teżi li Renzo Borg inqatel jew minħabba traffikar ta’ droga, fejn negozju seta’ mar ħażin, jew minħabba użura jew it-tnejn flimkien.

L-istess investigaturi jemmnu li Renzo Borg mar ix-Xemxija biex jiltaqa’ ma’ xi ħadd biex jitħallas. Il-Pulizija ma jeskludux li dawn il-flus setgħu kienu ġejjin minn traffikar ta’ droga. Għaldaqstant il-qattiel jew qattiela kienu fost dawk li kellhom jagħtuh il-flus minn dan in-negozju. 

“Fejn tidħol l-użura jew dejn kbir, l-aktar jekk ġej minn traffikar ta’ droga, ma tagħmilx sens li l-vittma jinqatel għax ikollu jagħti l-flus, imma għax ikollu x’jiġbor,” qalilna sors qrib il-Pulizija li għandu esperjenza kbira f’numru ta’ investigazzjonjiet ta’ użura.

Sid ta’ ristorant

Renzo Borg kien diġà għadda minn inkwiet ieħor. Huwa kien sid tar-ristorant u bar ‘Strawberry Grove’ li kien jinsab fi Triq il-Mazzola fil-Qawra. Illum dan in-negozju nbidel u anke l-isem inbidel.

Borg, flimkien ma’ xi sħab, kellhom ibigħu n-negozju malajr bl-irkant madwar tliet xhur qabel ma Renzo Borg inqatel minħabba li kienu nstabu ħatja ta’ negliġenza u kienu ordnati jħallsu s-somma ta’ madwar €66,000 lil tfajla li tmin snin qabel, meta kienet għadha tifla żgħira, sofriet ġrieħi gravi.

It-tfajla kienet tilfet partijiet mis-swaba meta kienet qed tilgħab ma’ ħbieb tagħha qrib it-taraġ tar-ristorant u qasrija waqgħet fuqha. Il-Qorti kienet ordnat li s-somma flus kellha titħallas fi żmien ġimagħtejn.

Barra minn hekk kien irriżulta wkoll li Borg kellu wkoll ammont sostanzjali ta’ dejn li kien ilaħħaq l-eluf ta’ ewro. Fil-fatt fl-2005 Borg kien tressaq il-Qorti meta kien naqas li jħallas madwar €233,000 li kien iddejjen minn wieħed mill-banek lokali. 

Sena qabel kien ukoll akkużat b’serq ta’ madwar €3,500 f’elettriku li ntuża fir-ristorant ‘Strawberry Grove’ għad-danni tal-Korporazzjoni Enemalta.

Appell

Bħalma qed nagħmlu ma’ kull storja ta’ delitti mhux solvuti, qed nappellaw lil kull min jaf xi ħaġa dwar dan il-qtil biex jgħaddi kull informazzjoni lill-Pulizija billi jċempel fuq in-numri 119 jew 21224001.

More in Kronaka